Aġġornata (PL): “Il-Kummissarju qalli li George Farrugia mhux vera qal li tani r-rigali” – Ministru Fenech

19:16 B’reazzjoni għall-kummenti tal-Ministru Tonio Fenech, li qal li l-arloġġ tal-lira ma rċievihx mingħand George Farrugia iżda mingħand il-mara ta’ ħu Farrugia, il-Partit Laburista qal li l-Ministru Fenech hu parti mill-korruzzjoni tal-Enemalta. Dan wara li jumejn ilu l-Ministru Fenech tqarr kull min jaċċetta rigali mingħand aġenti taż-żejt hu parti mill-każ tal-Enemalta.


L-istqarrija tal-Partit Laburista tgħid li sa dalgħodu l-Ministru Tonio Fenech kien qed jgħid li George Farrugia qatt ma kien mar għandu d-dar imma bid-dikjarazzjoni tal-lum Tonio Fenech iddikjara li George Farrugia fil-fatt mar id-dar tiegħu.



Il-Partit Laburista sostna li l-allegazzjonijiet tal-Ministru huma sempliċiment attentat ta’ tfiegħ ta’ tajn lejliet l-elezzjoni. Saħaq li mhux se jaħli ħin il-poplu f’attakki redikoli u se jibqa’ iffukat fuq il-familji u n-negozji u l-bidla fid-direzzjoni.

Aktar kmieni:
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Tonio Fenech qal li dalgħodu stess il-Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo qallu li fid-depożizzjoni George Farrugia fl-ebda ħin ma qal li ta rigali lill-Ministru Fenech.

Il-Ministru qal li ċempel lill-Kummisarju tal-Pulizija u qallu li wara l-allegazzjonijiet xtaq imur jaraħ u jagħtih il-verżjoni tiegħu tal-fatti. Kien għalhekk, kompla l-Ministru, li mar id-depot fl-10:00am.

Il-Ministru qal li kienet il-mara ta’ ħu George Farrugia li tatu arloġġ bħala rigal, sempliċement għax hija dilettanta tal-arloġġi u għax, skont il-Ministru, ‘hi kienet tammirani’. Qal li l-arloġġ tal-lira żgur li ma jiswiex eluf ta’ ewro.

Waqt il-konferenza, Tonio Fenech ippreżenta dokumenti pubbliċi, li qal li huma mill-Qrati ta’ Malta.

Il-Ministru qal li wara li sar awdittjar tal-IT fuq il-kompjuter ta’ George Farrugia, ħarġu numru kbir ta’ imejls li ilhom fl-idejn minn Settembru 2010. Staqsa għaliex dawn id-dokumenti kienu diġà għand il-media u ħarġu biss erba’ ġimgħat qabel l-elezzjoni ġenerali.

Il-Ministru qal li sar audit ieħor fuq l-aġir ta’ George Farrugia, liema rapport ġie konkluż f’Jannar tal-2011, fl-isetss xahar meta l-kumpanija Intershore trasferiet l-ishima kollha lil George Farrugia.

Il-Ministru qal li Dr Stephen Farrgia Sacco, ħu l-kandidat Laburista Dr David Farrugia Sacco, kien parti mill-awditjar, il-kontra ta’ dak li qal David Farrugia Sacco.
Kompla li Dr Manwel Mallia kien l-avukat tal-awditjar, għall-kuntrarju li qal hu. Il-Ministru Fenech qal li l-awditjar sab lill-Amministratur Finanzjarju tal-Partit Laburista, Joe Cordina, kriminalment responsabbli.

Il-kawża ta’ April 2012 saret ukol kontra Joe Cordina. Allegatament ġew misruqa $8,610,514. Dr David Farrugia Sacco iffirma l-kawża kontra Joe Cordina.
Tonio Fenech qal li bagħat kwerela l-għassa tal-Ħamrun kontra Evarist Bartolo u Chris Cardona għall-malafama kontra tiegħu, u żied li qed jistenna apoloġija pubblika.

Mistoqsi għala m’attendiex laqgħa tal-Kabinett li fiha ġie deċiż li tingħata maħfra Presidenzjali lil George Farrugia, il-Ministru Fenech qal li huwa kien mistoqsi biex jirrappreżenta lill-Partit fuq Xarabank.