Il-Kummissarju Jourová tesprimi tħassib mal-Ministru Malti

European Union, 2019

Il-Kummissarju Ewropew Věra Jourová qalet li tinsab imħassba dwar is-sitwazzjoni politika f’Malta. Hija qalet dan meta esprimiet l-inkwiet tagħha mal-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Malti Edward Zammit Lewis waqt il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali li tlaqqa’ llum fi Brussell.

Fuq Twitter, il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Věra Jourová qalet li mal-Ministru Malti hija ddiskutiet il-libertà tal-midja, il-ħtieġa għar-riforma ġudizzjarja u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Hija ħabbret dan filwaqt li xerrdet il-filmat tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen li fih tikkundanna l-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Hija kienet ukoll saħqet li l-investigazzjoni dwar dan il-każ għandha tkun indipendenti u ħielsa minn kull interferenza politika.

Il-Kummissjoni Ewropea fil-passat żammet pass lura milli tikkumenta dwar ir-responsabbiltà politika fl-investigazzjoni fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fl-aħħar konferenza tal-aħbarijiet bħala President tal-Kummissjoni Ewropea fl-aħħar ta’ Novembru, Jean-Claude Juncker kien qal li ma kienx f’idejh biex jikkumenta dwar l-iżviluppi f’Malta.