​Il-Kummissarju jixhed dwar Għawdxi li evada t-taxxa għal 5 snin

Il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar deher fil-Qorti wara li ssejjaħ personalment jispjega għaliex il-Pulizija baqgħet ma sabitx raġel li allegatament kien qed jevadi t-taxxa għal ħames snin.
Ir-raġel huwa min-Nadur Għawdex u qed jiġi akkużat li ma ħallasx il-bolla u taxxi oħra. Minkejja dan, il-qorti semgħet kif l-awtoritajiet lokali ma rnexxilhomx isibuh biex jgħaddulu n-notifiki tal-qorti. 
Wara diversi drabi li ma deherx quddiem il-Qorti, il-Maġistrat Ian Farrugia wissa li jekk l-akkużat jibqa' ma jidhirx fis-seduta li jmiss, allura l-Kummissarju tal-Pulizija se jkollu jwieġeb personalment għal dan. 
Fix-xhieda tiegħu fil-qorti, il-Kummissarju tal-Pulizija llum semma kif l-akkużat probabilment telaq lejn l-Istati Uniti u li t-Taqsima tal-Pulizija tal-Krimini kienet qed tinvestiga dwar dan. 
Sostna li isem ir-raġel huwa mniżżel ukoll fil-listi tal-kontroll tal-pulizija u li sar kuntatt mal-Interpol dwar fejn jista’ jinsab. Kienet l-Interpol li qalet li r-raġel jista’ jkun li jinsab f’Michigan. 
Il-qorti semgħet ukoll kif la JobsPlus u lanqas id-Dipartiment għas-Sigurtà Soċjali ma kellhom l-ebda rekord dwaru.