Il-Kummissarju jgħid għaliex kien se jirriżenja

Miguela Xuereb

Il-Kummissarju tal-Pulizija stqarr li kien hemm mument wieħed tul il-kariga tiegħu meta ħasibha jirreżenjax minn Kummissarju, u dan kien meta ndarab il-Kuntistabbli Simon Schembri f’inċident f’Mejju li għadda. 

Fl-aħħar edizzjoni tar-rivista Il-Pulizija, il-Kummissarju Lawrence Cutajar jistqarr li huwa ħassu li kellu parti mit-tort għas-sitwazzjoni li sab ruħu fiha Schembri, meta ż-żagħżugħ Liam Debono saq għal fuqu u kaxkru għal diversi metri, b’konsegwenza li Schembri tilef id minnhom.

Cutajar qal li ħass li kellu parti mill-ħtija minħabba l-attitudni li nħolqot fil-konfront tal-Pulizija, anke bi kritika diretta għalih. Qal li kkunsidraha fit-tul għandux iħalli l-kariga tiegħu, iżda biddel fehemtu għal xi ħaġa li qallu Schembri. Irrakkonta kif meta kien l-ITU, Cutajar staqsa lil Schembri kienx qed jagħrfu, u Schembri qallu li ma jistax ma jagħrfux daqskemm iħobb lil ibnu u jagħmel ġid miegħu u ma’ familtu.

Il-Kummissarju qal li kliem Schembri tah “kuraġġ ta’ sur” biex ikompli f’ħidmietu.