Il-Kummissarju għat-Tfal titlob għat-tagħlim onlajn

Read in English.

Il-Kummissarju għat-Tfal talbet biex ikun hemm aktar investiment fit-tagħlim li jsir onlajn għal dawk it-tfal li ma jistgħux jattendu l-iskola.

Hija spjegat li min ma jistax imur l-iskola għandu jkun jista’ jaqbad mal-klassi b’mod dirett dan sabiex ikunu parti mill-lezzjonijiet.

Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal intqal li l-iskejjel qed jagħmlu ħilithom sabiex jimplimentaw il-linji gwida tal-awtoritajiet tas-saħħa u għalhekk il-ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal għandhom jagħtu priorità lill-attendenza tat-tfal fl-iskejjel u mhux lill-attivitajiet oħra bħal li jmorru jixtru jew attivitajiet ta’ divertiment.

L-Uffiċċju, flimkien mall-Kunsill tat-Tfal, appella lill-awtoritajiet konċernati sabiex jagħmlu dak kollu possibbli sabiex id-dritt tat-tfal kollha għall-edukazzjoni jiġi assigurat.

Din l-istqarrija ħarġet b’reazzjoni għall-Mistoqsija Parlamentari dwar l-attendenza fl-iskejjel, hekk kif l-istatistika ppreżentata turi, li minn dawk it-tfal li m’humiex jattendu l-iskola, nofshom biss huma vulnerabbli. Il-Kummissarju qalet li dan huwa inkwetanti għaliex ifisser li hemm numru ta’ tfal li mhumiex jirċievi l-ebda tip ta’ edukazzjoni mill-edukaturi.