Read in English.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal jinsab imħasseb dwar il-każ tat-tifla li qegħda taħt ordni ta’ ħarsien u li ttieħdet barra l-pajjiż b’mod illegali.
Bħalissa l-pulizija Maltija qed tikkordina flimkien mal-Europol biex tgħin fi tfittixija ta’ tifla li allegatament tħarrbet minn Malta minn ommha b’mod illegali.
Il-ġimgħa li għaddiet ġie rrappurtat kif fit-12 t’Ottubru, id-Direttorat għall-Kura Alternattiva kien infurmat mill-foster family li l-omm naqset milli tirritorna lill-minuri d-dar. Kien għalhekk li l-ħaddiema soċjali marru immedjatament jagħmlu viżta d-dar tal-omm fejn sabu l-bieb imsakkar b’katnazz. Kien għalhekk li minnufih sar rapport lill-pulizija.
Fl-istess ġurnata, il-pulizija infurmat lid-Direttorat li l-omm kienet lokalizzata f’pajjiż Ewropew.
Fi stqarrija maħruġa ftit tal-ħin ilu, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal qal li jifhem il-qsim il-qalb tal-foster parents u jħeġġeġ lill-awtoritajiet sabiex ikomplu jaħdmu bla heda ħalli flimkien mal-awtoritajiet Ewropej, tinsab din it-tifla, jiġi assigurat li ma tkun fl-ebda periklu u tirritorna lura Malta kemm jista’ ikun malajr.
Ġie enfasizzat ukoll il-bżonn ta’ iktar mezzi ta’ sigurta’ fl-ajruport sabiex każijiet bħal dawn ma jerġgħux iseħħu.