Il-Kummissarju għat-Tfal favur l-iffriżar tal-embrijuni

Il-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli qalet li hi favur l-iffriżar tal-embrijuni.
Fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-tfal ġew elenkati l-fatturi li wasslu lill-Kummissarju tkun favur l-iffriżar tal-embrijuni.
Jingħad li l-metodu tal-iffriżar tal-embrijuni umani huwa proċess li jiggarantixxi suċċess akbar.
FL-istqarrija ġie spjegat kif fl-Att kif propost mill-Gvern, jipprovdi qafas legali sod biex l-iffriżar tal-embrijuni jsir b’mod li jagħti lill-embrijuni umani l-iktar cans li jibqgħu ħajjin.
Skont il-Kummissarju, id-drittijiet fundamentali tat-tfal f’dan l-istadju bikri għandhom jiġu assigurati mingħajr ebda preġudizzju. Id-drittijiet ewlenin tat-tfal dwar din il-liġi, kif ippreżentati mill-Kummissarju huma:

  • Il-jedd għall-ħajja u s-saħħa
  • Il-jedd għall-identità
  • Il-jedd għal trobbija f’ambjent stabbli u sigur

L-Ufficcju tal-Kummissarju għat-Tfal irrakkomanda wkoll is-sapport totali lill-ġenituri li jgħaddu minn din l-esperjenza.
L-Alternattiva Demokratika favur il-liġi proposta
Fi stqarrija separata, l-Alternattiva Demokratika esprimiet il-fehma tagħha favur din il-liġi.
Iċ-Chairperson Carmel Cacopardo u s-Segretarju Ġenerali Ralph Cassar qalu li d-diskussjoni dwar l-emendi għal-liġi tal-iffriżar tal-embrijuni għandha tkun iktar tolleranti ta’ veduti li jikkuntrastaw.
Huma rrimarkaw ukoll li hu neċessarju li jsir screening tal-isperma u l-bajda għal mard trasmess ġenetikament filwaqt li qajmu mistoqsijiet dwar il-kiri tal-ġuf fejn qalu li għadu mhux ċar kif dan mhux se jitħalla jiġi kummerċjalizzat. Jgħidu li ġaladarba jkun infetaħ il-bieb, se jkun diffiċli li jkun hemm kontrolli effettivi tal-kummerċjalizzazzjoni.
Waqt il-mixja favur il-ħajja li ġiet organizzata lbieraħ fil-Belt Valletta, Dr Miriam Sciberras qalet li "kollha konna embrijuni".
L-eks Ministru għall-Affarijiet Barranin u speċjalista rtirat fill-mediċina tal-familja, Dr George Vella stqarr li jemmen bis-sħiħ li l-ebda leġiżlatur b’kuxjenza tajba ma jista’ qatt japprova ċerti prattiċi fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun.
"Verifiki dwar il-petizzjonijiet fuq is-sit tal-Parlament" – L-Ispeaker
L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia qal li l-Uffiċċju tal-Parlament qed jagħmel il-verifiki neċessarji biex jiżgura li ma jkun hemm l-ebda duplikazzjoni ta’ firem f’petizzjonijiet li jsiru fuq is-sit tal-Parlament.
Fi stqarrija, l-Ispeaker qal li t-tali verifika hija mitluba mill-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra u hija meħtieġa sabiex titnaqqas il-possibbiltà li persuna tipprova tiffirma billi tuża d-dettalji personali ta’ ħaddieħor.
Jirriżulta wkoll li mit-telefonati u l-kuntatti li saru mal-impjegati tal-Parlament, fil-maġġor parti tal-każi l-problema kienet titratta d-dħul ta’ data b’mod skorrett jew attentati ripetuti.
B’referenza partikolari għall-petizzjoni dwar il-protezzjoni tal-embrijuni, l-Ispeaker innota li bil-proċess ta’ verifika attwalment implimentat, il-petizzjoni diġà ġiet iffirmata minn aktar minn 8,000 ruħ, u li qiegħed xorta jara kif jista’ jiffaċilita l-proċess mingħajr ma jippreġudika l-livell ta’ verifika li qed issir.
Il-petizzjoni kontra l-iffriżar tal-embrijun fuq is-sit tal-Parlament qanqlet ukoll reazzjoni fost bosta persuni li esperjenzaw diffikultajiet meta ġew biex jiffirmaw il-petizzjoni onlajn. 
L-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni tiċċara xi punti
Fi stqarrija, l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijuni ħasset li għandha tiċċara xi punti dwar dak li qed jiġi rrappurtat fil-midja. 
Insistiet fuq dawn l-erba' punti: 

  • "L-istatistika ppubblikata mill-Awtorità fir-rapporti annwali tagħha hija bbażata fuq il-proċeduri approvati li saru u ġew irrappurtati mill-kliniċi liċenzjati u fl-ebda ħin ma din ġiet mibdula jew imbagħbsa biex tiffavorixxi l-emendi kif intqal mill-Prof. Pierre Schembri Wismayer fuq il-mezzi soċjali, “Wonder why it (success rate) has gone down since than – Maybe to encourage statistics for the New Law????”.  L-Awtorità tassigura lill-Prof. Schembri Wismayer kif ukoll lil kulħadd li kull bajda u kull embrijun mil-proċeduri li jsiru hawn Malta huma kollha accounted for, u li l-figuri ppublikati huma dawk reali";
  • "F’Malta mit-twaqqif tal-Awtorità sal-lum kien hemm ħames embrijuni ffriżati u l-ebda minn dawn l-embrijuni ma ġie “maqtul” kif allegatament ġie mxandar fuq stazzjon Malti televiżiv nhar il-Ħadd minn Pastor Gordon Manche. Tnejn mill-embrijuni ġew trasferiti lura fl-omm prospettiva u t-tlieta l-oħra għadhom jinsabu ‘cryopreserved’ ġewwa l-isptar Mater Dei";
  • "L-Awtorità tappella biex tinżamm kawtela fuq dak kollu li qed jingħad speċjalment dwar il-koppji li qed jirrikorru għal dawn it-trattamenti tal-infertilità, kif ukoll dwar it-tfal Maltin diġà mwielda minn dawn il-proċeduri. Huwa wkoll ir-rwol tal-Awtorità li apparti milli tipproteġi l-embrijuni tħares ukoll l-interessi ta’ dawn il-ġenituri prospettivi u tat-tfal sussegwentament imwielda".
  • "L-Awtorità tappella biex issir diskussjoni sana dwar dawn l-emendi fil-liġi u tassigura lill-pubbliku li kull proċedura li se tiddaħħal b’dawn l-emendi, l-Awtorità se tkun qed tara li din tingħata bl-ogħla standards għall-ġid tal-embrijuni, tal-ġenituri prospettivi u tal-ulied li se jitwieldu".