Il-Kummissarju għat-Tfal dwar l-ulied ta’ nies magħrufa

L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal ħareġ stqarrija dwar it-tfal ta’ nies magħrufa li jistgħu jiġu affettwati minn riperkussjonijiet.

Fi stqarrija l-Uffiċċju qal li dan isir irrespettivament jekk il-persuna taħdimx fl-industrija tad-divertiment, tkunx negozjant ta’ suċċess jew tkunx involuta fil-politika. Skont l-Uffiċċju, “dan hu minnu speċjalment minħabba ċ-ċokon u d-densità ta’ Malta fejn il-polarizzazzjoni fid-dibattitu politiku hija n-norma.”

L-Uffiċċju qal li hija r-responsabbilità ta’ dawk kollha li għemilhom jaffettwa t-tfal li jħarsuhom mill-konsegwenzi ta’ din il-polarizzazzjoni. Spjega li għandu jitnissel ir-rispett lejn l-oħrajn f’moħħ kulħadd, anke lejn dawk li jħaddnu twemmin reliġjuż jew politiku differenti.

L-Uffiċċju qal li huwa dmir tal-ġenituri jew dawk li jieħdu ħsieb it-tfal, l-edukaturi, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-adulti kollha li huma importanti fil-ħajja tat-tfal li jiżguraw li t-tfal kollha, inkluż it-tfal tal-politiċi, huma protetti minn kull forma ta’ bbuljar, fastidju, jew diskriminazzjoni.

F’intervista mal-MaltaToday, mart il-Prim Ministru Michelle Muscat, semmiet kif l-iskola m’għamlet xejn biex tipproteġi lil uliedhom mill-ibbulljar minħabba l-każ tal-kumpanija Egrant. Allegat li dan għax kienu t-tfal tagħhom u li ma ħaddieħor sar differenti. Barra minn hekk qalet li kien hemm parties fejn tfal jistiednu lit-tfal kollha tal-klassi, ħlief uliedhom.