Il-Kummissarju għas-Saħħa jrid li jitwaqqfu l-attivitajiet tal-massa

Il-Kummissarju għas-Saħħa fl-Uffiċċju tal-Ombudsman iddikjara illi huwa jaqbel fis-sħiħ
li għandhom jitwaqqfu minnufih l-attivitajiet tal-massa.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, il-Kummissarju stqarr li jemmen li, “mill-evidenza disponibbli, m’hemmx dubju li hemm bżonn li tittieħed azzjoni qabel is-sitwazzjoni ssir waħda iddisprata.”

L-istqarrija tkompli tgħid li fl-aħħar xhur saru sagrifiċċji kbar mill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa, mill-pubbliku u min-negozji. Għalhekk, il-Kummissarju hu tal-fehma li għandu jiġi żgurat li dak li nkiseb ma jintilifx. Qal ukoll li hemm il-ħtieġa ta’ direzzjoni mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Il-President tal-MUMN Paul Pace spjega li aktar minn 30 infermiera bħalissa jinsabu kwarantina minħabba l-każijiet tal-coronavirus li reġgħu feġġew fil-Gżejjer Maltin. Dawn, għalhekk, qegħdin jiċċaħħdu minn familthom u mill-qraba tagħhom. Skontu, il-Prim Ministru Robert Abela huwa bla rispett talli jħalli dawn l-attivitajiet iseħħu.

Fl-aħħar jiem qamet kontroversja wara li l-qabża fil-każijiet tal-coronavirus donnha bdiet minn party li sar ġo lukanda f’San Ġiljan. Apparti hekk, kien hemm ukoll grupp ta’ każijiet ġejjin mill-festa ta’ Santa Venera. Din iż-żieda fil-każijiet wasslet biex diversi għaqdiet, entitajiet u ħaddiema tas-saħħa jappellaw lill-Gvern biex iwaqqaf l-attivitajiet tal-massa, bħall-parties u l-festi, sabiex l-imxija titrażżan.

Min-naħa tagħha, il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li minflok iħassar il-parties skedati li jsiru f’Malta, il-Gvern ħa jara x’jista’ jsir aħjar u x’seta’ sar differenti.