Il-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika impjegata full-time

Minister for Justice, Equality and Governance Edward Zammit Lewis and Parliamentary Secretary for Equality and Reforms Rosianne Cutajar meet with the new Commissioner on Gender-based Violence and Domestic Violence- Auberge D'Aragon - Valletta - 210-2-2020

Read in English.

Audrey Friggieri ġiet maħtura bħala l-kummissarju għall-vjolenza domestika.

Il-Gvern dalgħodu ħabbar li Audrey Friggieri se tkun impjegata fuq bażi full-time.

Friġġieri hija għalliema u se tkun qed tieħu post Simone Azzopardi li din irreżenjat aktar kmieni dan ix-xahar minħabba raġunijiet personali. Friġġieri gradwat ukoll fil-psikoterapija sistemika tal-familja u għandha wkoll Masters fl-edukazzjoni tal-Adulti.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar iltaqgħu ma’ Audrey Friggieri t-Tnejn filgħodu. Il-Gvern sostna li hu kommess li jkompli jiġġieled kull tip ta’ vjolenza. Żied li fiż-żmien li ġej mistennija jkun hemm aktar kampanji edukattivi dwar il-vjolenza domestika kif ukoll il-Gvern mistenni li jintroduċi aktar għodod ġodda sabiex jassistu lil dawk l-aktar vulnerabbli.

Fi stqarrija, il-Ministeru qal li hemm aktar fondi allokati sabiex tkun miġġielda kull tip ta’ vjolenza.

Fl-ewwel kummenti tagħha, Friggieri qalet li hija se tkun vuċi soda kontra kull tip ta’ vjolenza. Hija qalet li tinsab kommessa li tara li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul tiġi implimentata.

Matul din il-laqgħa, l-Gvern u l-kummissarju l-ġdid iddiskutew il-pjan tal-kummissjoni għall-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Il-Ministru qal li l-pjan jinkludi aktar edukazzjoni dwar dan is-suġġett fuq kull livell. Żied li se jkunu qed jiżdiedu aktar għajnuna għan-nisa biex ikunu indipendenti finanzjarjament u se tiżdied il-koperazzjoni mal-pulizija u l-Qrati sabiex jiġu protetti il-vittmi ta’ vjolenza domestika.