Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data jinvestiga l-allegazzjoni tal-PN

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li fil-preżent, il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data qed jinvestiga l-allegazzjoni li saret mill-Partit Nazzjonalista fir-rigward tal-arrest ta’ Darryl Luke Borg.

Kien il-Kummissarju Joseph Ebejer li kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li rċieva bil-miktub it-talba għall-investigazzjoni.

Il-Kummissarju kkonferma wkoll li kif ikun lest ir-rapport, il-konklużjonijiet jiġu kkomunikati bil-miktub lil min jagħmel l-ilment u lil min ikun sar l-ilment kontrih. 

Il-Partit Nazzjonalista għamel talba uffiċjali lill-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data sabiex jinvestiga kif il-Pulizija akkwistat il-logs tat-telefonati.

Ix-xahar li għadda, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami u l-Kelliem għall-Intern Jason Azzopardi kienu allegaw li l-Pulizija kienu akkwistaw logs tat-telefonati skont artikli tal-liġi żbaljati.

Huwa sostnew li dan kien sar bi ksur tad-drittijiet fundamentali.

Dwar l-arrest ta’ Darryl Luke Bord, il-bord tal-Pulizija wettaq investigazzjoni li mill-konklużjonijiet jirriżulta li kien hemm nuqqasijiet f’dan il-każ dovuti.

Il-konklużjonijiet jirreferu għall-mod kif l-Ispettur Elton Taliana mexa fl-investigazzjoni.

Il-bord għalhekk kien ikkonkluda li kien hemm nuqqas serju fil-proċeduri li mxew magħhom il-pulizija meta ressqu separatament żewġ persuni fuq l-istess reat.

Ir-rapport wassal għal kontroversja bejn il-Gvern u l-Partit Nazzjonalista bil-Kap tal-Oppożizzjoni jiddeskriva r-rapport bħala parodija u l-kelliema Nazzjonalisti jgħidu li m’għandhomx fiduċja fil-Kummissarju tal-Pulizija.

Mill-banda l-oħra, l-Ministru għall-Intern Manuel Mallia kkonkluda li mir-rapport jirriżulta li hemm bżonn tisħiħ fl-akkademja tal-Pulizija.