Il-Kummissarju għall-Istandards mitlub jinvestiga stqarrija “partiġġjana” tal-Ministru Schembri

silvio schembri vouchers
Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler intalab jinvestiga stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Ekonomija dwar id-deċiżjoni tar-Reġistru Malti tan-Negozji li jneħħi lil 10,000 kumpanija wieqfa mir-reġistru. Ir-raġuni għaliex il-Kummissarju ntalab jevalwa din l-istqarrija hi għaliex qed titqies li għandha kontenut espliċitament partiġġjan, mentri stqarrija ministerjali għandha tkun imparzjali.

Dan ir-rapport ġie sottomess minn Kevin Cassar, li hu professur għall-kirurġija, u li kien kandidat għall-elezzjoni ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fl-2017.

Id-deċiżjoni tar-Reġistru tqieset waħda kontroversjali, u dawk li kkritikawha, inkluż il-Partit Nazzjonalista, argumentaw li din id-deċiżjoni għenet lin-negozji li aġixxew b’mod illegali jneħħu t-traċċi tagħhom mill-pubbliku u llimitat il-possibbiltà li jiġu skrutinizzati.

Permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni, il-Ministru Silvio Schembri kiteb li, “l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista hija biss intiża sabiex issir aktar ħsara lill-pajjiż f’mumenti importanti li għaddejjin minnhom bħalissa bil-ħafna riformi li qed isiru sabiex tissaħħaħ aktar il-governanza tajba, anke għaliex il-kelliema jafu li mhux qed jgħidu l-verità u agħar minn hekk qed iqarrqu apposta. Dan l-attakk huwa konferma oħra ta’ kemm l-Oppożizzjoni hija medhija biss biex tipprova tagħmel ħsara lill-pajjiż meta f’mument sensittiv bħal dan qed tagħmel insinwazzjonijiet foloz sabiex tipperikola l-ekonomija, u iktar minn hekk mat-12,000 impjieg fis-settur tas-servizzi finanzjarji.” 

L-istqarrija Ingliża tikkonkludi li, “while it is a fact that the current leader of the Opposition is ashamed to say that he is Maltese, such a stance does not give him the prerogative to harm the country.”

Fir-rapport tiegħu, Prof. Cassar semma kif is-sena li għaddiet, il-Kummissarju għall-Istandards kien insista li l-Ministri m’għandhomx joħorġu stqarrijiet partiġġjani, għandhom iżommu l-irwoli tagħhom bħala ministri u membri parlamentari separati u għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ imparzjalità politika fis-servizz pubbliku.

Għalhekk, huwa talab lill-Kummissarju George Hyzler biex jiddetermina jekk il-Ministru Silvio Schembri mexiex ma’ dawn il-prinċipji. Insista wkoll li d-Dipartiment tal-Informazzjoni għandu jiġi investigat peress li kellu r-responsabbiltà li jiżgura li stqarrijiet uffiċjali jkunu imparzjali.

Prof. Cassar semma wkoll li Dr Hyzler innifsu kien qal li se jimmoniterja l-pubblikazzjoni ta’ stqarrijiet mid-Dipartiment tal-Informazzjoni sabiex jiżgura li t-ton u l-kontenut ikunu jirrispettaw il-prinċipji stabbiliti msemmijin.