Il-Kummissarju għall-Istandards mitlub jinvestiga lil Muscat, Mizzi u oħrajn

Carmel Cacopardo
Carmel Cacopardo

Read in English.

Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokrarika Carmel Cacopardo għamel talba oħra lill-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika biex jinvestiga l-imġieba ta’ diversi persuni pubbliċi.

Fi stqarrija, ġie spjegat li Cacopardo qed jitlob investigazzjoni fl-imġieba ta’ l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-eks Ministru Konrad Mizzi, iċ-Chairman tal-Awtorità tat-Turiżmu Gavin Gulia u Johann Buttigieg, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tat-Turiżmu. Dan fid-dawl ta’ għoti ta’ kuntratt ta’ konsulenza mal-Awtorità tat-Turiżmu ftit jiem biss wara li Mizzi rreżenja minn Ministru minħabba allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu.

Cacopardo qal li: “għandu jkun investigat Joseph Muscat għax fil-mument tal-għoti tal-kuntratt tal-konsulenza ma kienx hemm Ministru tat-Turiżmu fil-ħatra u allura Muscat kien unikament responsabbli. Min-naħa l-oħra Johann Buttigieg iffirma l-kuntratt meta kien magħruf minn kulħadd li Mizzi kien irriżenja biex jerfa’ r-responsabbiltà politika għat-taħwid li hawn fil-pajjiż in parti kaġunat mill-involviment tiegħu fl-iskandlu tal-Panama Papers. Min jiżbalja ma jkunx ippremjat imma jmur jistaħba.”

Qal li Gavin Gulia għandu jkun investigat ukoll għax huwa Chairman tal-Awtorità tat-Turiżmu Cacopardo sostna li għandu jkun stabilit ukoll xi pressjoni eżerċita Konrad Mizzi biex ingħatat din il-konsulenza minn dawk li sa ftit ilu kienu ‘dipendenti tiegħu’.