Il-Kummissarju għall-Istandards mitlub jinvestiga d-direct order tal-lukanda f’Għawdex

Read in English.

Il-kandidat indipendenti Arnold Cassola talab lill-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler sabiex jiftaħ investigazzjoni dwar l-imġieba tal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri fejn tidħol id-direct order li nħarġet għal-lukanda Downtown fir-Rabat Għawdex.

Din il-lukanda nbidlet f’dar tal-anzjani biex tospita fiha 72 anzjan li qabel kienu qed jinżammu fir-Residenza Sant’Anna fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Huma tmexxew hemm biex jitnaqqas il-periklu li dawn jiltaqgħu mal-coronavirus hekk kif l-anzjani huma fost l-aktar vulnerabbli.

Cassola sostna li f’numru ta’ artikli ħareġ li l-Ministeru ta’ Għawdex għamel kuntratt mal-lukanda mingħajr ma saret l-ebda sejħa pubblika skont kif suppost. Il-Ministeru ta kuntratt ta’ sena b’direct order, fejn il-Gvern se jkun qed iħallas is-somma ta’ €54.90 kuljum għa kull sodda. Jiġifieri, €109.80 għal kull kamra. Cassola qal li minħabba li nkrew 38 kamra, dan ifisser li b’kollox se jiġi jiswa madwar €1.6 miljun.

Fit-talba tiegħu lill-Kummissarju, Cassola spjega li filwaqt li hemm ftit mill-kmamar fil-lukanda li jaqbżu l-minimu legali rikjest ta’ kmamar li jkejlu erba’ metri bi tliet metri, il-maġġoranza tal-kmamar jissodisfaw il-minimu bl-eżatt. Fis-26 ta’ April, l-Awtorità għall-Istandards ta’ Ħarsien Soċjali qalet li wara li għamlet investigazzjonijiet dwar allegazzjonijiet tat-tip fil-konfront tal-lukanda, sabet li l-binja hija konformi mar-rekwiżiti għal-liċenzja ta’ emerġenza.

Cassola qal li l-prezz innegozjat mal-lukanda la jinkludi ikel u lanqas il-pagi tal-istaff.

Hu kompla billi spjega li l-Gvern għandu art tiegħu stess fejn hemm mibnija Lourdes Home u li din ingħatat b’ċens ta’ €500 fis-sena lis-sorijiet Dumnikani, li huma marbuta b’obbligi speċjali ta’ natura soċjali. Qal li din il-propjetà fil-passat kienet tintuża bħala orfanotrofju u għandha fiha aktar kmamar mil-lukanda li qed tintuża. Spjega li l-45 kamra tal-Lourdes Home huma aktar spazjużi. Spjega li hemm ukoll ġonna u spazji fl-apert flimkien ma’ parkeġġ taħt l-art li jagħmel il-binja aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.

Cassola spjega li llum il-ġurnata, is-sorijiet jikru l-kmamar lit-turisti għall-prezz ta’ €45 kull persuna, inkluż l-ikel. Qal li jekk Lourdes Home kellha bżonn xi tibdiliet strutturali, il-lukanda DownTown għaddiet ukoll minn tibdiliet biex takkomoda din it-talba.

B’hekk Cassola talab ukoll sabiex il-Kummissarju jinvestiga jekk kinitx imġieba etika u kif suppost mill-Ministru Camilleri fl-għażla tiegħu li ma jagħmilx użu minn propjetà mibnija fuq art tal-Gvern. Qal li l-Lourdes Home kienet tissodisfa r-rekwiżiti rikjesti mill-Ministeru, jiġifieri li ma jkunx hemm bini qrib u b’hekk tippermetti għall-miżura tal-iżolazzjoni u li jkun hemm 80 sodda lesti għall-użu immedjat taħt saqaf wieħed. Hu semma wkoll kif il-prezz li l-Ministeru nnegozja mal-lukanda huwa għola mill-prezz li jitolbu s-sorijiet għal kull kamra, inkluż bl-ikel.

“Sur Kummissarju, mingħajr prġudizzju għal dak hawn fuq miktub, qiegħed ukoll nitolbok tinvestiga għaliex il-Ministru għal Għawdex ħass il-bżonn li jinnegozja direttament mas-sidien tad-Downtown, jagħti Direct Order lilhom u ma joħroġx tender pubbliku b’terminu qasir (bejn 3 u 7 ijiem), bħalma fil-fatt ġara Malta għall-bini ta’ sptar ġdid temporanju,” temm jitlob Cassola.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn