Il-Kummissarju għall-Istandards jikkonferma li sar xogħol bla permess f’Wied Qirda

Read in English.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika kkonferma li saru xogħlijiet bla permess f’Wied Qirda, Ħaż-Żebbuġ.

Il-Kummissarju qal dan f’rapport dwar investigazzjoni li skattat mill-eks Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola.

Il-Kummissarju għall-Istandards qal li ma sab li ma kien hemm xejn x’jindika li l-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg ta ordni biex xogħlijiet bla permess li kienu qed isiru mill-Aġenzija Infrastruttura Malta f’Wied Qirda jitkomplew bi sfida ta’ Ordni ta’ Waqfien u Konformità maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).

Il-Kummissarju wasal għal din il-konklużjoni wara li kkunsidra ilment ta’ Cassola li sar f’Novembru 2019 kontra l-Ministru Borg u Frederick Azzopardi, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Infrastruttura Malta.

Il-Kummissarju Hyzler qal li l-ilment kontra l-Inġinier Azzopardi ma setax jiġi investigat billi dan ma jaqax taħt l-Att dwar Standards fil-Ħajja Pubblika. Investiga biss lill-Ministru Borg.

Il-Kummissarju sab li kien minnu li saru xogħlijiet bla permess f’Wied Qirda, u ordni maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi biex ix-xogħlijiet jieqfu ma ġietx osservata mill-ewwel.

“Dan kien ikkonfermat mill-Awtorità stess. Madankollu, ma kien hemm ebda indikazzjoni li l-Ministru Borg kien ta ordni biex ix-xogħlijiet jibqgħu għaddejjin,” qal il-Kummissarju.

Il-Kummissarju ħass li l-Awtorità għar-Riżorsi u l-Ambjent intervjeniet b’mod professjonali u fil-pront, u aktar tard waslet fi qbil mal-Aġenzija Infrastruttura Malta dwar kif kellhom isiru x-xogħlijiet b’mod li l-ambjent fil-wied jiġi mħares.

Il-Kummissarju temm jgħid li ma laqax l-ilment tal-Professur Cassola.

Tista’ taqra r-rapport sħiħ minn hawn: