Read in English.
Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler ċaħad l-ilment tal-Whip tal-Gvern Glenn Bedingfield kontra l-Membru Parlamentari Jason Azzopardi, li jgħid li Azzopardi uża l-privileġġ parlamentari tiegħu biex jattakka lil Imħallef.
L-ilment ta’ Bedingfield sar fil-25 ta’ Mejju, u nċaħad minn Hyzler fl-istess jum, f’temp ta’ tmien sigħat. Skont Azzopardi, dan hu l-iqsar ħin li lment dam biex jiġi miċħud.
Il-ġimgħa li għaddiet fil-Parlament, id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield appella biex issir investigazzjoni parallela ma’ dik tal-Avukat Charles Mercieca, dwar ‘dak l-ispija’ fi ħdan l-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li qed jgħaddi informazzjoni lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan għaliex fil-Parlament Azzopardi allega li Mercieca prova jbiddel sentenza ta’ erba’ snin ħabs għal ħasil ta’ flus minn wara dahar l-Avukat Ġenerali. Semma wkoll li Mercieca sikwit iżur id-dar tal-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, li kienet qed tippresiedi l-każ, peress li hu ħabib ta’ binha.
Mercieca rreżenja mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-għada ngħaqad mat-tim legali ta’ Yorgen Fenech, akkużat bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Hyzler innota kif bl-allegazzjoni li għamel Azzopardi dwar kollużjoni bejn avukat u imħallef, huwa kien qed jimplika li dawn kienu qed jiksru xi proviżjonijiet tal-Kodiċi Kriminali. Għaldaqstant, spjega li xi ħaġa bħal din mhix parti mill-irwol tiegħu, biex jaġixxi bħala intermedjarju bejn il-persuna li tressaq l-ilment u l-awtorità kompetenti. Il-Kummissarju talab lil Hyzler jirreferi l-ilment tiegħu lill-awtorità relevanti.
Rigward l-implikazzjoni ta’ kollużjoni bejn avukat u mħallef, Hyzler qal li kellha tkun deċiżjoni tal-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati biex jiċċensura jew iwaqqaf kondotta li jqis mhux f’postha fil-Parlament.