Il-Kummissarju għall-Istandards b’riservi kbar dwar il-persons of trust

Il-Kummissarju għall-Istandards, George Hyzler qal li għandu riservi kbar dwar il-persons of trust għax iqajjmu kwistjonijiet kontraversjali kbar tan-natura kostituzzjonali.

Meta kien qed jitkellem ma’ Andrew Azzopardi fuq 103FM, Hylzer qal li ġaladarba qegħdin hemm, il-ministru li jappuntahom irid iġorr ir-responsabiltà.

“Ma jistax ikun li persuna ta’ fiduċja tagħmel xi ħaġa ħażina u għal ministru li jappuntahom qisu ma ġara xejn.”

Dr Hyzler qal li l-kunċett tal-persons of trust imur kontra l-kostituzzjoni ta’ Malta.  Huwa qal li kiteb lill-President ta’ Malta biex jagħmel proposti tiegħu għat-tibdil fil-Kostituzzjoni bħala parti mill-proċess tat-twaqqif tal-Konvenzjoni Kostituzzjonali.           

“Tal-persons of trust għandna bżonn nindirizzawha. Wieħed ma jifhmix kif in-numru ta’ persons of trust hu kbir u mifrux ma’ kullimkien.

Il-persons of trust fis-segretarjati nista’ nifhimha iżda jridu li din tkun l-eċċezjoni mhux ir-regola. Bħala fatt il-persons of trust huma kategorja ta’ impjegati tat-tħassib,” stqarr Hyzler.

Din il-ġimgħa, il-Parlament ddiskuta emendi fil-proċeduri għall-ħatra ta’ persuni ta’ fiduċja. L-emendi jiddefinixxu “persuna ta’ fiduċja” bħala impjegat ingaġġat direttament minn barra mis-servizz pubbliku jew mis-settur pubbliku biex jaġixxu ta’ konsulenti tal-Ministru jew tas-Segretarju Parlamentari u wara sejħiet pubbliċi ripetittivi għall-ingaġġ ta’ kariga, tibqa’ vakanti.

Tali ingaġġ irid ikun għal perjodu ta’ inqas minn sena. L-istess persuna tista’ tingħata estensjoni tal-ingaġġ iżda din il-pożizzjoni ma għandhiex tilħaq status indefinit.

In-numru ta’ persuni li jistgħu jiġu ingaġġati u l-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ persuni ta’ fiduċja għandhom jiġu stabbiliti fil-manwal ippubblikat mill-Kabinett li se jkun imqiegħed fuq il-mejda tal-Parlament, ippreparat mill-Kap tac-Ċivil Mario Cutajar.