Il-Kummissarju għall-Ippjanar jitlob għal miżuri iktar drastiċi

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar ħareġ dokument fejn talab miżuri iktar drastiċi fil-qasam tal-kostruzzjoni. Il-Perit Alan Saliba ppubblika dokument bir-rakkomandazzjonijiet tiegħu għal kontroll eħfef u aktar effettiv, sabiex jiġi evitat li jseħħ inċident ieħor bħal dak fil-Ħamrun, li ħasad il-ħajja ta’ Miriam Pace, fl-età ta’ 54 sena.

F’Ġunju tas-sena li għaddiet, il-Kummissarju kien għamel diversi rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet bl-għan prinċipali jkun li jsemma’ t-tħassib taċ-ċittadini u jirrestawra sigurtà fis-settur tal-kostruzzjoni. Spjega li fl-istess xahar kienu ħarġu regoli ġodda dwar dannu lil terzi parti, iżda d-dokument juri li dak li sar fil-passat mhux biżżejjed u għad fadal ħafna xi jsir.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju huma:

  • Il-bidu immedjat tal-ħidma ta’ Awtorità għall-Kostruzzjoni tal-Bini li jkollha r-riżorsi kollha neċessarji skont il-proporzjon tal-industrija tal-kostruzzjoni.
  • Deterrenti permezz ta’ proċeduri kriminali, multi u azzjonijiet diretti li jirrestawraw id-dixxiplina fl-industrija.
  • Li jseħħ liċenzjar u korsijiet akkreditati għal dawk li jissupplixxu l-materjal u l-operaturi fil-qasam li jsegwu l-kodiċi tal-bini.
  • Li l-iżviluppaturi jiġu imposti jħaddmu biss operaturi liċenzjati taħt reġim ta’ sottokuntrattar.
  • Li jkun hemm azzjoni ta’ infurzar dwar problemi relatati mal-BCA, OHSA u l-PA li jitħaddmu taħt il-Ministeru għall-Infurzar tal-Liġi.
  • Awtorità li tirrikonoxxi u tagħti prijorità lill-ġirien skont il-pariri tal-periti tagħhom.
  • Awtorità li tassisti lill-ġirien b’parir professjonali u legali
  • It-tmexxija ta’ responsabbiltajiet tal-kostruzzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-Awtorità għall-Kostruzzjoni tal-Bini.
  • Li jiġi kkunsidrat tibdil f’ċertu policies tal-ippjanar li qed iwasslu għal riskji fis-siti ta’ kostruzzjoni.

Tista’ taqra r-rapport tal-Kummissarju b’mod sħiħ minn hawn.