Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni nkwetat dwar it-trasport tal-iskola

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman Charles Caruana Carabez qal li jinsab inkwetat dwar it-trasport tal-iskola mingħajr superviżjoni.

Ma’ Newsbook.com.mt, Caruana Carabez qal li minkejja li ma daħlulux rapporti dwar bullying fuq it-trasport tal-iskola, xorta għandu dan l-inkwiet personali. “Il-prevenzjoni hija aħjar mill-kura” qal il-Kummissarju. Spjega li meta jkun hemm xi battibekk bejn it-tfal, x’aktarx se jkun hemm il-ġlied fuq it-trasport u mhux fl-iskola fejn hemm ikollhom riperkussjonijiet.

Caruana Carabez qal li jixtieq li għandu soluzzjoni għal din il-problema imma qal li superviżjoni għat-trasport tal-istudenti tirrekjedi ħafna ħaddiema u spejjeż. Qal li “jekk ikollu ċ-ċans” lest li jiddiskuti l-kwistjoni mal-Ministeru għall-Edukazzjoni.

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni kiteb x’għandhom jagħmlu dawk il-persuni li jaħsbu li t-tfal li qed jieħdu ħsieb qed jiġu bullied.

Fi Frar, il-Ministeru għall-Edukazzjoni nieda White Paper għal proċess ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku dwar trasport b’xejn u b’superviżjoni għall-istudenti kollha li jattendu skejjel obbligatorji tal-istat, tal-knisja, u dawk indipendenti. Għas-superviżjoni, il-Gvern se jippubblika sejħa ta’ interess volontarja u bi ħlas għall-edukaturi kollha. Fi stħarriġ mill-kumpanija Grant Thornton, ikkummissjonata mill-Gvern, jirriżulta li bil-proposta li fiha l-akbar investiment, l-użu tat-trasport organizzat se jiżdied b’14,000. Fi skejjel mhux statali, dan se jlaħħaq id-90% tal-istudenti, ġaladarba jkun bla ħlas u b’superviżjoni.

F’Settembru, il-Partit Nazzjonalista (PN) qal li mhux aċċettabbli li l-Gvern iwaħħal fil-ġenituri wara li naqas milli jippjana kif inhu xieraq it-trasport għall-istudenti. Dan qalu  fi stqarrija dwar in-nuqqas ta’ preparazzjoni min-naħa tal-Gvern biex jipprovdi trasport b’xejn lill-istudenti kif ukoll superviżjoni waqt il-vjaġġ.

L-ispiża tal-Gvern biex jipprovdi trasport b’xejn lit-tfal fl-iskejjel kollha, kemm tal-Gvern kif ukoll tal-Knisja u privati, hi stmata li tlaħħaq l-€10 miljun fis-sena.