Il-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella f’laqgħa mal-MEUSAC

Il-Kummissarju Ewropew Malti, Karmenu Vella ħa sehem f’laqgħa tal-MEUSAC fejn ippreżenta l-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida.
Fil-ftuħ tal-laqgħa, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Helena Dalli fissret l-importanza ta’ laqgħa bħal din fejn il-Kummissarju Ewropew tkun tista’ tisma’ l-ideat tas-setturi tas-soċjetà.
Il-Kummissarju Ewropew, Karmenu Vella spjega kif din il-Kummissjoni l-ġdida qed tiffoka fuq l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment.
Fl-istess ħin, qed taħdem sabiex tkun Kummissjoni iktar sempliċi fil-liġijiet u iktar effettiva fir-riżultati, sabiex dawn it-tliet setturi jimxu id f’id.
Dwar is-settur tas-sajd, Karmenu Vella semma’ kif wara r-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd li daħlet fis-seħħ fl-2014, il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem biex dan is-settur jiġi sfruttat b’rata sostenibbli.
Dwar il-Politika Marittima Integrata, Karmenu Vella qal li kull pajjiż membru għandu jkollu pjan dwar l-attivitajiet marittimi biex ikun hemm integrazzjoni fil-politika marittima tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissarju Karmenu Vella indirizza wkoll il-qasam ambjentali u qal li minħabba li l-Ewropa għandha nuqqas ta’ riżorsi, huwa importanti li l-ekonomija u l-ambjent ma jkunux separati imma għandu jinstab bilanċ ta’ kif it-tnejn li huma jiġu integrati flimkien.

Ritratt: DOI – Clifton Fenech