Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja għal Malta l-ġimgħa d-dieħla

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Vera Jourová mistennija żżur Malta l-ġimgħa d-dieħla fuq dik li qed tiġi deskritta bħala “missjoni sensittiva”.
Dan kien tħabbar għall-ewwel darba f'konferenza tal-aħbarijiet fi Brussell fejn Jourová kienet qalet li se żżur Malta biex tara li tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-Aġenzija kontra l-ħasil tal-flus f’Malta, l-FIAU u biex tistħarreġ għaliex il-liġi kontra l-ħasil tal-flus ma daħlitx fiż-żmien stipulat.
Skont rapport li qed jidher fil-ġurnal EU Observer, Jourová se żżur Malta biex tiltaqa’ ma’ xi Ministri u l-kapijiet tal-awtoritajiet ta’ infurzar nhar il-Ġimgħa li ġej.
Il-ġurnal qal li din iż-żjara qed issir b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u mal-allegazzjonijiet tagħha dwar korruzzjoni fl-ogħla livelli ta’ awtoritajiet f’Malta.