Il-Kummissarju Dalli żżur Malta fuq missjoni ta’ jumejn

Read in English.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli kienet Malta fuq missjoni ta’ jumejn fl-10 u l-11 ta’ Diċembru, fuq stedina tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bnedmin fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja.

Iż-żjara ħabtet mal-Jum Internazzjonali tad-Drittijiiet tal-Bniedem, li jiġi osservat fl-10 ta’ Diċembru, u Dalli indirizzat konferenza għall-okkażjoni.

“Fil-livell Ewropew matul l-ewwel sena tal-mandat ta’ din il-Kummissjoni, adottajna ħames strateġiji għall-ugwaljanza u tnejn oħra huma ppjanati għall-bidu tas-sena d-dieħla, biex niżguraw li ħadd ma jaqa’ lura jew jitħalla barra. Nappella lill-Istati Membri biex jadottaw strateġiji ekwivalenti ta’ ugwaljanza fil-livell nazzjonali,” qalet Dalli.

Dalli fakkret li fl-ewwel sena tal-mandat tagħha, il-Kummissjoni Ewropea nediet l-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi III fir-relazzjonijiet esterni, il-pjan ta’ Azzjoni kontra r-Razziżmu, il-qafas strateġiku tal-UE dwar il-poplu Roma għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni, u l-Istrateġija tal-Ugwaljanza tal-LGBTIQ.

Għadha għaddejja wkoll il-ħidma fuq l-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tad-Diżabilità u l-Istrateġija li tindirizza l-Anti-Semitiżmu, u t-tnejn li huma se jiġu mnedija matul l-2021.