​“Il-Kummissarju daħlilna iktar dubji u biża’” – Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal illejla fil-Parlament, li fil-konferenza tal-aħbarijiet li sejjaħ illejla, il-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qanqal iktar dubji u biża’.
Stqarr, li wara l-konferenza dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-poplu mhux talli ma serraħx rasu, imma lanqas iħossu fiduċjuż li qed isir l-aqwa li jista’ jagħmel il-pajjiż biex issir ġustizzja.
“Jekk dak li rajna jew smajna fil-konferenza, hu l-aqwa, veru m’aħna nagħmlu xejn biex niggarantixxu li ssir ġustizzja”, kompla Dr Delia.
Min qed jgħid il-verità: Il-Prim Ministru jew il-Kummissarju?
Adrian Delia staqsa min bejn il-Prim Ministru u l-Kummissarju tal-Pulizija qed jgħidu l-verità, minħabba li fi kliemu taw verżjonijiet differenti dwar l-esperti barranin li qed jgħinu fl-investigazzjoni.
Il-Kap Nazzjonalista rrimarka, li waqt li l-Prim Ministru qal li l-FBI tqabbdu għax esperti fit-triangulation (biex jindividwaw sal-aktar ċentimetru), il-Kummissarju qal li dawn se jgħinu mil-lat tekniku.
Żied jgħid li waqt li l-Prim Ministru qal li l-esperti Olandiżi qed jgħinu fir-rikostruzzjoni tal-katavru, il-Kummissarju qal li qegħdin hawn biex jiġbru evidenza forensika.
“Il-Prim Ministru jaf iktar mill-Kummissarju”
Dr Delia saħaq li jidher li l-Prim Ministru jaf iktar mill-Kummissarju.
Staqsa jekk l-aġenti tal-FBI hux vera kienu ġejjin Malta fuq xi ħaġa oħra, jew inkella għax issejħu biex jgħinu fil-każ.
Jistaqsi wkoll, kif għandu jkun hemm fiduċja li l-investigazzjoni se tkun suċċess, jekk ma ssolviex każ wieħed mis-sitt karozzi li splodew u ħallew il-vittmi.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni insista li minkejja dak kollu li ntqal u r-responsabbilitajiet li kellu fuq spallejh, il-Kummissarju għażel xorta li ma jirriżenjax.
Saħaq li kellu jieħu miżuri wara dan l-assassinju traġiku, biex jevita li jekk kien hemm barranin involuti, dawn ma jispiċċawx joħorġu mit-territorju Malti u tibqa’ ma toħroġx il-verità.