Read in English.
L-inkjesta pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kompliet llum bix-xhieda tal-Kummisarju tal-Pulizija Angelo Gafà.
Fost l-oħrajn hu sostna li filwaqt li ma jaqbilx ma’ min jgħid li l-mistoqsijiet li ntbagħtu lill-Emirati Arab Magħquda min-naħa tal-Korp dwar 17 Black kienu skorretti, ikkonferma iżda li kien hemm nuqqasijiet f’informazzjoni li għaddiet il-pulizija bħal li kien ingħata numru ta’ kont skorrett.
X’kienu l-punti ewlenin mix-xhieda ta’ Gafà?
- Il-mottiv wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizija għadu mhux ċar.
- Gafà qal li hu qatt ma ra rapporti dwar il-Panama Papers qabel ma sar Kummissarju tal-Pulizija.
- “Xogħoli mhux li ninvestiga imma li nipprovdi direzzjoni u nsib modi li jistgħu jwasslu għall-evidenza,” qal il-Kummissarju.
- Dwar l-Iskwadra tal-Omiċidji, Gafà qal li ma jridx li uffiċjal li jkun qed jinvestiga l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, jinvestiga qtil ieħor.
- Gafà qal li ma jaqbilx mad-dikjarazzjoni li l-Pulizija bagħtet mistoqsijiet skorretti dwar 17 Black lill-UAE, imma konferma li kien hemm ħafna żbalji, bħal li n-numru tal-kont kien skorrett.
Kompla jgħid li hemm erba' persuni li qed jaffaċċjaw il-ġustizzja bħalissa imma l-Pulizija għadha qed tinvestiga l-mottiv wara l-qtil għax dan għadu mhux ċar. Gafà qal ukoll li l-Pulizija qed taħdem b'serjetà biex tistabbilixxi dan.
L-Imħallef Lofaro qablet miegħu.
"Dan kollu nbidel u l-Korp tal-Pulizija kellu jadatta għal dinja teknoloġika," qal Gafà.
Gafà ta' eżempju li jekk Uffiċjal tal-Pulizija jgħin lil xi ħadd li kien insteraq u l-persuna tirritorna dan il-ġest bi flixkun whiskey bħala ġest ta' ringrazzjament, l-uffiċjal ikun irid jimla formola.
L-Imħallef Lofaro nnutat li hemm differenza bejn whiskey li jiswa €10 u whiskey li jiswa ħafna aktar minn hekk.
Gafà qal li l-pulizija jridu jiddistingwu bejn il-ġesti ta' ringrazzjament li qed jirċievu,
Qal li mal-AFM kien iħoss li x-xogħol li kien jagħmel kellu nuqqas ta' kuntatt man-nies u b'hekk iddeċieda li jitlaq u japplika mal-Korp tal-Pulizija.
Din il-ġimgħa, is-smigħ li kien skedat għat-Tnejn li għadda u għall-Erbgħa tħassru u se jkunu qed isiru fi ġranet oħrajn.
Il-Bord tal-Inkjesta hu mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.
Fl-aħħar smigħ, kien xehed l-eks Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona li kien ġie interrogat b’rabta ma’ dan l-assassinju f’Novembru li għadda.
Xi spikka mix-xhieda ta’ Chris Cardona?
- Irid jieħu passi kontra min kiteb l-ittra li “għaddiet bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech” u li timplikah fl-assassinju. L-ittra għadu ma jafx min kitibha.
- Mistoqsi dwar għaliex ma jinsistix li tiġi investigata l-kalligrafija fl-ittri, Cardona jgħid li l-Pulizija jistgħu jinvestigaw waħedhom.
- Sar jaf bil-bomba fil-Bidnija meta kien fil-karozza lura ma’ Joseph Muscat wara avveniment f’Tas-Sliema; kien l-uffiċċju l-Belt meta sar jaf li kienet inqatlet Daphne
- Jgħid li jumejn qabel l-assassinju Joseph Muscat ħassu ħażin waqt attività f’lukanda f’Tas-Sliema. Iżid li hu żamm lil Muscat li ma kien kiel xejn dakinhar għax ma kellux ċans.
- Ma kienx jieħu gost meta minħabba l-kitbiet ta’ Daphne lil uliedu l-iskola bdew jgħidulhom li missierhom traffikant tad-droga
- L-ordni ta’ sekwestru fuq l-assi ta’ Daphne kienet deċiżjoni tiegħu, kontra l-parir legali tal-avukati tiegħu
- Kien juża WhatsApp ma’ Keith Schembri u Joseph Muscat, imma ma kienx involut fil-grupp bejn Schembri, Muscat u Yorgen Fenech
- Kien jaf li Muscat u Schembri kienu jsiefru flimkien imma ma kienx jaf bir-relazzjoni tagħhom ma’ Fenech
- Il-poter li kellu Schembri kien proporzjonat għall-irwol tiegħu. Jiddeskrivih bħala “indispensabbli” fl-operat tal-Gvern.
- Dwar jekk ir-relazzjoni bejnu u Schembri kinitx tajba, Cardona jgħid li kellhom relazzjoni ta’ xogħol u kienu jiltaqgħu spiss.
- Il-kumpaniji fil-Panama ma kinux l-uniku żball. Min żbalja jrid iħallas ta’ għemilu
- Jgħid li l-aħħar messaġġ bejnu u bejn Yorgen intbagħat f’Awwissu 2019 u jirreferi għal-lezzjonijiet ta’ żfin ta’ wliedhom
- Sar jaf bl-elezzjoni bikrija tal-2017 xi jiem qabel tħabbret
- Qatt ma tilef laqgħa tal-kabinett u kien sorpriż meta sema’ bl-hekk imsejjaħ ‘kitchen cabinet’. Skontu, min semma l-kitchen cabinet biex jiddistakka ruħu minn ċerti kwistjonijiet
- Konrad Mizzi kien għamel preżentazzjoni dwar powerstation ġdida. Il-PL kien għadu fl-Oppożizzjoni. Il-Kelliem għall-Enerġija ma kienx hemm.
- Konrad Mizzi kien innegozja l-ftehim dwar l-isptarijiet mal-VGH
- Cardona kien jiffirma l-ftehimiet kollha tal-Gvern mal-entitajiet barranin, minkejja li ma kienx jipparteċipa fin-negozjati.
- Jgħid li mhux taħt investigazzjoni, la Malta u lanqas barra, fuq xi proġett fi żmienu bħala Ministru
- Allegazzjonijiet fuqu li ma ġewx ivverifikati: li poġġa pistola f’ħalqu, li pprova jagħmel suwiċidju, li daħal l-isptar u li għamel telefonati man-nies involuti fil-qtil
- Jgħid li r-rapporti dwaru li ltaqa’ mal-aħwa Degiorgio huma gideb
- Chris Cardona jikkonferma li għadu jiltaqa’ ma’ Joseph Muscat