Il-kwistjoni dwar il-pensjonijiet: Malta titressaq quddiem il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja

Il-Kummisjoni Ewropea ddeċidiet li tirreferi lil Malta quddiem il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja, tal-mod kif tnaqqas il-pensjonijiet ta’ min jiriċievi l-pensjoni tiegħu minn stati membri oħra fl-Unjoni Ewropea.

Skont il-liġi Maltija, il-pensjoni tal-istat titnaqqas parzjalment skont is-somma li wieħed jirċievi bħala pensjoni tas-servizz f’Malta jew barra minn Malta. Skont il-Kummisjoni Ewropea, dan imur kontra regoli Ewropej. Kull pensjoni bbażata fuq leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal taċ-ċivil jew tal-militar, taqa’ taħt il-kappa ta’ regoli Ewropej dwar il-kordinazzjoni ta’ servizzi soċjali . Dawn ir-regoli ma jippermettux it-tnaqqis jew sospensjoni ta’ benefiċċiji.

Il-Kummisjoni saret taf bil-ksur ta’ liġi mid-diversi petizzjonijiet li tressqu quddiem il-Parlament Ewropew.

Fl-2010, il-Kummisjoni Ewropea ddeċidiet li l-prattiċi Maltin fejn tidħol il-pensjoni tas-servizzi hija illegali. Wara investigazzjoni ta’ erba’ snin, il-Kummisjoni kienet bdiet passi ta’ ksur ta’ liġi kontra Malta. Dawn il-prattiċi kienu ilhom għaddejjin mill-1979.

Malta tista’ tkun obbligata trodd il-miljuni f’arretrati lil aktar minn 6,000 anzjan li ħadem mas-servizzi jew lill-qraba tagħhom.

Kollox beda wara petizzjoni li ressaq Joseph Caruana, ċittadin Malti li jirċievi pensjoni Ingliża minħabba l-ħidma tiegħu fl-Ingilterra. Huwa lmenta li l-pensjoni tiegħu tnaqqset illegalment wara li għażel li jirtira f’Malta.

Fi Frar 2012, il-Kummisjoni Ewropea talbet lil Malta biex tirranġa l-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward, iżda l-Gvern Malti insista li kien qed japplika l-liġi Ewropea b’mod ġust.

Publius Grech, mill-Assoċazzjoni tal-Pensjonanti tas-Servizz, stqarr magħna li din il-kwistjoni ilha pendenti u li s-somma li l-Gvern irid iħallas titla’ għal €10 miljun fis-sena.