Il-Kummisjoni Ewropea għandha ttejjeb il-mod kif tiddjaloga m’għaqdiet reliġjużi

L-Ombudsman Ewropew, Nikiforos Diamandouros, qal li l-Kummisjoni Ewropea għandha tiċċara l-mod kif tiddjaloga ma’ organizazzjonijiet reliġjużi. Qal li jekk tinħass il-ħtieġa, għandhom jitfasslu linji gwida konkreti.

Aktar kmieni l-Ombudsman ikkritika l-Kummisjoni tar-raġunijiet li tat meta m’attendietx seminar ta’ djalogu mal-Federazzjoni Umanista Ewropea. Is-seminar kellu jiddiskuti l-eżenzjoni tal-knejjes mir-regoli Ewropej dwar l-impjiegi. Il-Federazzjoni Umanista Ewropea tirrappreżenta 50 organizazzjoni minn aktar minn 20 pajjiż.

Il-Kummisjoni qalet li l-istatus tal-Knejjes u organizazzjonijiet reliġjużi għandhom jiġu rispettati fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. L-Ombusdman wieġeb li dan ma dan ma jfissirx li m’għandiex issir diskussjoni.

It-trattat ta’ Lisbona jobbliga lill-Unjoni li jkollha djalogu regolari u trasparenti mal-Knejjes u assoċazzjonijiet reliġjużi. Għal dan il-għan, isiru seminars ta’ djalogu b’mod regolari.