Il-Kummissarju għat-Tfal għandha tipproteġi lit-tfal qabel it-twelid – Doctors for Life

Il-grupp Doctors for Life qalu li l-Kummissarju għat-Tfal għandha l-irwol li tippromwovi “il-ħarsien u l-protezzjoni speċjali għat-tfal kemm qabel kif ukoll wara t-twelid.” Huma qalu li minn rapporti riċenti li dehru fil-midja Maltija qanqlu tħassib minħabba li l-Uffiċju tal-Kummissarju għat-Tfal ġie rrapurtat f’dawl li jista’ juri li qed jitbiegħed mill-irwol primarju tiegħu.

Doctors for Life, fi stqarrija qalu li qed jistennew li l-Kummissarju għat-Tfal twettaq l-irwol statutorju tagħha mingħajr tlaqlieq u ttenni l-pożizzjoni tagħha favur id-difiża ta’ ħajjet l-ulied fil-ġuf. Il-grupp qal ukoll li huma jaqblu li tingħata rikonoxxenza l-importanza li jiġu implimentati miżuri effettivi li jevitaw it-tqala mhux mistennija. Il-grupp qal ukoll li hemm bżonn li l-ommijiet żgħażagħ u dawk fil-bżonn jingħataw is-sapport kollu possibbli biex ikunu jistgħu jkomplu bit-tqala u t-trobbija tat-tfal, mingħajr detriment għall-iżvilupp personali tagħhom.