Il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data iwissi lill-PL li l-imejls tiegħu kisru l-liġi

Tlett persuni ressqu lment quddiem il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data, wara li qalu li l-Partit Laburista bagħtilhom imejls kontra x-xewqa tagħhom.

Dawn il-persuni qalu li qatt ma rċivew imejls simili mill-Partit Laburista, qatt ma kkomunikaw ma dan il-partit jew provdew l-indirizz tal-imejl tagħhom.

L-imejls intbgħatu mill-indirizz info@plmailing.com u kellhom mehmuż leaflets ta’ natura politika.

Wara investigazzjoni, il-Kummissarju Joseph Ebejer stqarr li l-Partit Laburista ma provda ebda evidenza li l-indirizzi tal-imejls użawhom bil-permess tas-sidien, u lanqas dwar kif kiseb l-imejls.

Għaldaqstant il-Kummissarju wissa lill-Partit Laburista li l-imejls kisru l-liġi dwar il-protezzjoni tad-data.

Talab lill-Partit juri provi li għandu permess juża l-indirizzi tal-imejl fid-database tiegħu. Widdeb li se jkun qed iwettaq spezzjonijiet fil-futur.