Il-kummerċ u l-Unjoni Ewropea; x’jeħtieġ isir?

Il-Kummisjoni Ewropea ppreżentat it-tieni rapport tagħha lill-Kunsill Ewropew dwar il-kummerċ u l-affarijiet li jxekklu l-investiment. Newsbook kien preżenti fi Brussell għall-preżentazzjoni ta’ dan ir-rapport.

L-għan tat-Trade and Investment Barriers Report hu li juri iswed fuq l-abjad dawk l-isfidi li jiffaċjaw kumpaniji Ewropej f’dak li għandu x’jaqsam mal-kummerċ.
Fl-2010, 18% tal-prodotti u servizzi esportati mill-Unjoni Ewropea marru lejn l-Istati Uniti. 8% marru ċ-Ċina, u wara r-Russja, l-Ġappun, l-Indja u l-Brażil.

Fl-istess sena, l-Unjoni Ewropea esportat aktar minn €242 biljun lejn l-Istati Uniti, €113 biljun lejn iċ-Ċina, €105 fl-Iżvizzera u €86 lejn ir-Russja.

Kumpaniji Ewropej għadhom qed jiffaċjaw ċertu diffikultajiet, bħal regoli tekniċi, proċeduri tad-dwana, u nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ regoli dwar propjetà intelletwali.
Is-sena li għddiet, żdiedu r-restrizzjonijiet dwar l-impurtar madwar id-dinja.

Fl-2012, iċ-Ċina biddlet ir-regoli tagħha dwar is-sigurtà nazzjonali, filwaqt li l-awtoritajiet Indjani bdew jiffavorixxu aktar prodotti domestiċi fejn tidħol it-telekomunikazzjoni. L-Arġentina u l-Brażil komplew ibiddlu r-regoli dwar assigurazzjoni, dwana u taxxi diretti u indiretti.

Ir-rapport jikkonkludi li l-kummerċ fl-Ewropa se jkun wieħed mill-akbar sfidi għal-kompetittività.

L-Unjoni Ewropea tibqa’ l-ikbar esportatriċi, importatriċi, investitriċi u riċevitriċi ta’ investiment dirett barrani. Dawn l-aħħar 30 sena kellha 20% mill-esportazzjoni totali madwar id-dinja. Is-surplus mis-serivzzi kien ta’ €108 biljun fl-2011. Fil-kummerċ agrikolu, id-differenza bejn l-importazzjoni u l-esportazzjoni inbidlet minn defiċit ta’ aktar minn €3 miljun għal surplus ta’ €7 biljun fl-2011.

Minbarra ftehim dwar id-diplomazija fil-kummerċ, il-Kummisjoni Ewropea teħtieġ li tkompli ssaħħaħ xogħla biex tneħħi xkiel minn pajjiżi tat-tielet dinja. Teħtieġ dejjem aktar ħidma mal-kumitati tal-World Trade Orgnization, sabiex jinżamm ftehim li jkun sar bejn pajjiżi madwar id-dinja u l-Unjoni Ewropea.

Meta l-imsieħba fil-kummerċ ma jirrispettawx obligazzjonijiet internazzjonali, għandu dejjem ikun hemm ftehim ċar bejn iż-żewġ partijiet.