Il-kummerċ miftuħ mal-Istati Uniti jgħin lill-industrija ta’ Malta

Il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ mal-Istati Uniti tgħin lill-industrija Maltija, iżda huwa kruċjali li r-regoli jgħaddu minn skrutinju sħiħ.
Din kienet il-konklużjoni waqt diskussjonijiet organizzati mill-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta flimkien mal-Malta Business Bureau dwar il-potenzjal u l-impatt  ta’ ftehim kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti fuq l-industrija f'Malta.
Il-ftehim magħruf bħala TTIP, li bħalissa qed jiġi diskuss bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti huwa wieħed wiesa’ u jkopri diversi setturi.
Roberta Metsola qalet li l-ftehim għandu jżomm l-istandards għoljin li diġà għandna.
Ikkwotat rapport Ewropew li jgħid li dan il-ftehim jista’ jwassal għal żieda ta' 4.84% fid-dħul ta' Malta.
Alfred Sant qal li n-naħa Amerikana qed issibha bi tqila li tirreġistra progress reali dwar is-servizzi finanzjarji.
Qal li t-TTIP m’għandux ikun għodda li jibbenefikaw minnu biss il-kumpaniji multinazzjonali. 
Kull settur għandu l-karatteristiċi tiegħu u n-negozji Maltin jeħtieġ li jkunu kapaċi jiddentifikaw aspetti li jistgħu jaffettwaw il-kompetittività tagħhom.
Hekk sostniet Miriam Dalli fejn sostniet li huwa importanti li l-operaturi Maltin iwasslu l-fehmiet tagħhom. 
Dawn is-sessjonijiet laqqgħu flimkien rappreżentanti ta’ intrapriżi u entitajiet mis-setturi tal-manifattura, is-servizzi finanzjarji, il-farmaċewtika, it-trasport u l-loġistika. Il-fehmiet miġbura matul id-diskussjonijiet se jintużaw f’rapport li se jiġi ppreżentat f’konferenza aktar tard din is-sena.

Ritratti: Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f'Malta – Ray Attard