Il-kummenti tal-PM “jimminaw l-integrità tal-Università ta’ Malta” – KSU

Il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) qal li d-deskrizzjoni li l-Università Amerikana ta' Malta (AUM) u l-Università ta' Malta huma "żewġ istituzzjonijiet brillanti", huma kummenti li jimminaw l-integrità tal-Università ta’ Malta u t-12,000 student li jsegwu kors fiha.
L-istudenti sostnew li dan it-tqabbil jistona ħafna meta l-Università ta' Malta għandha rekord twil ta' gradwati li rnexxew, filwaqt li l-AUM hija istituzzjoni li għadha fil-bidu.
Fi stqarrija fuq Facebook, il-KSU fakkar kif l-aħbarijiet riċenti li l-AUM li għadha tiftaħ għandha 15-il student biss kif ukoll li 12 minn 13-il membru tal-istaff tkeċċew.
Il-KSU wera d-diżappunt tiegħu li l-unika bażi użata għat-tqabbil taż-żewġ istituzzjonijiet hija sempliċiment l-akkreditazzjoni, li t-tnejn li huma għandhom bħala Universitajiet.
Il-Prim Ministru għadda dawn il-kummenti nhar it-Tlieta li għaddiet meta kien qed iżur l-uffiċini tal-Fondazzjoni Valletta 2018 biex jara l-aħħar preparamenti għaċ-ċelebrazzjonijiet li se jsiru għada.