Il-kumment ‘prostituta’ fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar jidħol il-Qorti

Miguela Xuereb

L-Avukat difensur Andrew Borg Cardona qal li billi l-klijent tiegħu qabbel lis-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar ma’ prostituta ma ħallitx reputazzjoni ħażina fuqha.

Rosianne Cutajar kienet fetħet libell kontra Rachel Williams u Godfrey Leone Ganado wara li Ganado kiteb, “Hamalli, prostitutes and call girls have a right to be represented in Parliament.”

Borg Cardona qal li l-liġi fl-aħħar sentejn inbidlet u Cutajar għandha tpoġġi provi ċari li dak li ntqal kellu ħsara serja fuq ir-reputazzjoni tagħha.

L-Avukat Edward Gatt li qed jidher f’isem is-Segretarju Parlamentari qal li Ganado uża aġġettiv mhux komdu u ħażin fil-konfront ta’ Cutajar. Għal dan il-kumment, Borg Cardona wieġeb li kien ġust fil-kuntest li ntqal fih. Huwa għamel referenza għall-pubblikazzjonijiet ta’ qabel li xxerrdu bil-kunsens ta’ Cutajar.

Borg Cardona spjega li l-klijent tiegħu qatt ma ried jimmalafama lil Rosianne Cutajar u minkejja li qabbilha ma’ prostituta ma kienx qed jgħid li hi prostituta iżda li l-aġir tagħha kien vulgari. Żied li huma wkoll għandhom id-dritt li jkunu rrapreżentati u kompla li ironikament Cutajar issa hija responsabbli mill-ugwaljanza.

Għal dan il-kumment is-Segretarju Parlamanetari Rosianne Cutajar esprimiet lilha nnifisha fil-Qorti iżda ġiet imsikkta. Cardona qal li l-libertà tal-espressjoni tippermetti li wieħed jista’ jkun offensiv, insulenti u vulgari. Kompla li l-libertà tal-espressjoni titwaqqaf biss jekk wieħed jagħmel ħsara fuq ir-reputazzjoni tal-persuna.

Intant fuq Facebook is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar qalet li t-tgħajjijra li hija prostituta ma weġġgħetx il-ħajja politika tagħha għax hija rabbiet qoxra imma weġġgħet lil kull mara speċjalment dik li xi darba tħajret tidħol fil-politika.

Żiedet li l-avukat Andrew Borg Cardona fakkarha kemm għad fadal xi jsir biex Malta tegħleb l-elitiżmu u s-sessiżmu.