Il-kumitati li wrewni appoġġ huma l-veru PN – Delia

Martin Agius

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia qal li l-kumitati li ddikkjaraw l-appoġġ tagħhom lejh huma l-veru PN.

Delia qal dan waqt attività politika fl-Isla fejn qal li fl-aħħar jiem kien hemm ħafna referenzi għalih fil-gazzetti li ddeskriva bħala “attakk wara l-ieħor”. Kien hemm rapporti dwar il-kumitati tal-PN li skont Delia spontanjament derilhom li juru l-appoġġ tagħhom lejh.

B’referenza għal rapport li deher fit-Times of Malta li żvela li l-kumitat f’Tas-Sliema vvota kontra l-mozzjoni ta’ appoġġ lil Delia, il-Kap tal-PN qal li ma ssemmewx il-aktar minn 90% li vvutaw favur li qal li huma l-“veru PN”.

Delia qal li fi żmien il-Milied, l-unika suġġett ta’ diskussjoni kien ‘Adrian Delia’.

“Tafu li f’dawn l-aħħar xhur jew aktar għal darb’oħra kien hemm attakki fuq Adrian Delia. Il-gazzetti kollha mimlijin Adrian Delia. Dawn l-attakki mhumiex fuq Delia. Dawn l-attakki huma fuq il-PN. Qed jaraw li l-PN qed jissaħħah u qed jaraw li aħna qed nieħdu l-partit lura lejn in-nies. Din ma jaċċettawhiex.”

Skont Delia ma għaddietx ġurnata waħda li ma niżilx ħdejn in-nies biex jismagħhom. Din hija xi ħaġa li l-PN għandha bżonn skont Delia. Qal li meta daħal fil-politika ħadd ma kien jaf min hu u li ġie elett minn nies li riedu “kap minn ġo nofshom”.

Delia appella lill-partitarji biex jagħmlu l-kuraġġ u ma jaqtgħux qalbhom.

‘Kulħadd b’saqaf fuq rasu bi Gvern Nazzjonalista’

Delia qal li l-Gvern Laburista ma jimpurtaħx miż-żgħir jew mill-fqir. Spjega kif hemm 3,200 persuna jfittxu post fejn joqgħodu. Delia wiegħed li Gvern Nazzjonalista jiggarantixxi li ma jkunx hawn persuna waħda Maltija jew Għawdxija li ma jkollhiex saqaf fuq rasha. Hija tal-mistħija kif Gvern li jiftaħar bis-surplus ma joħoloqx proġetti għall-foqra fil-fehma ta’ Delia.

Fi kliem Delia, il-Gvern Laburista sar għan-negozji l-kbar biss. Delia qal li filwaqt li n-negozji jagħmlu l-ġid, il-Gvern irid ikun kapaċi jaqsmu.

‘Fl-aħħar ġimgħat qamet il-kwistjoni tal-abort’

Skont Delia, fl-aħħar ġimgħat qamet il-kwistjoni tal-abort. Qal li l-Gvern qed jaħdem bil-moħbi dwar dan is-suġġett. Qal li filwaqt li koppji bi tqala mhux ippjanata għandhom jingħataw l-għajnuna, wieħed ma jistax jgħid li ftit ċelloli fil-ġuf mhumiex ħajja umana. Qal li l-PN dejjem kien favur il-ħajja, ħajja li bħalissa tinsab taħt theddida.

Qal li fil-bidu tal-2019, il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent tal-Knisja f’Malta qed tagħmel studju dwar l-iżvilupp sostenibbli. Skont Delia l-Gvern mhux qed iħares fit-tul lejn l-interessi tal-pajjiż. Żied jgħid li l-Gvern huwa niexef mill-ideat u li moħħu biex it-tejjeb in-numru billi jġib aktar nies lejn Malta.

Delia tkellem ukoll dwar il-proġett tal-Corinthia. 

Delia jattakka n-negozji – PL

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li Delia ffoka l-maġġoranza tad-diskors tiegħu jattakka lin-negozji “bl-istess stil bħall-Kap ta’ qablu.”

Il-PL qal li jinsab magħqud wara Joseph Muscat bħala Prim Ministru.