Il-Kumitat Tekniku qed jipproponi li Malta tiġi stat ta’ prostituzzjoni – Il-Koalizzjoni

Read in English.

Il-Koalizzjoni dwar it-Traffikar Uman u l-Prostituzzjoni qalet li l-Gvern ta l-approvazzjoni tiegħu biex Malta tittrasforma f’ċentru ta’ turiżmu sesswali. Dan sar permezz ta’ kumitat tekniku ‘difettuż’ li qed jipproponi li l-postituzzjoni diġi dikriminalizzata.

Il-koalizzjoni li hija ffurmata minn numru ta’ organizzazzjonijiet u esperti, jiffavurixxu l-mudell Nordiku, dik li jiġu dikriminalizzati l-ħaddiema fil-qasam tal-prostituzzjoni iżda dawk li għamlu użu mis-‘servizz’ tagħhom għandhom ikunu kriminalizzati, kif ukoll jingħata s-sapport lil dawk il-persuni li jixtiequ jitilqu minn dan ix-xogħol.

Il-kumitat tekniku madankollu qed jitkellem dwar dikriminalizzazzjoni assoluta bħalma qalet is-Segretarju Parlamentati għall-Ugwaljanza Rosianne Cutajar f’intervista fuq The Malta Independent on Sunday. Hija qalet li r-rapport se jkun ippreżentat lill-Kabinet dalwaqt.

Il-koalizzjoni qalet li l-kumitat tekniku huwa nieqes minn esperti li jaħdmu f’dan il-qasam u injorat organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali li ħadmu ma’ persuni fil-prostituzzjoni u vittmi ta’ traffikar uman. Żiedu li l-istatistika f’pajjiżi oħra turi li l-proposta mill-kumitat tekniku hija rigal għall-pimps u t-traffikanti.

Il-koalizzjoni qalet li t-traffikar ta’ persuni għas-sess u l-prostituzzjoni ma jistgħux ikunu separati u qatt m’għandhom ikunu trattati separatament. Komplew li dak propost se jkun qed jinnormalizza l-prostituzzjoni u t-traffikar uman bil-barka tal-Istat, u appellaw lill-Gvern biex jikkunsidra serjament l-implikazzjonijiet u r-riperkussjonijiet għal dak li qed jipproponi l-kumitat.

Esplojtazzjoni bil-barka tal-Gvern – PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li dak li ġie żvelat permezz ta’ intervista fuq The Malta Independent on Sunday u mhux fi stqarrija uffiċjali pprova li l-proċess ta’ konsultazzjoni huwa farsa biex joħloq paraventu biex f’Malta l-prostituzzjoni ssir attività li minnha n-nisa jistgħu jibdew jiġu sfruttati uffiċjalment, bil-barka tal-Gvern.

“F’dan l-istadju, fejn jidher bl-iktar mod ċar li s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar se tibqa’ tinjora l-ikbar koalizzjoni ta’ organiżazzjonijiet tan-nisa f’pajjiżna u timxi fuq aġenda intiża biss biex tpaxxi lil min irid jisfrutta lin-nisa, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista tappella għall-buon sens tal-Ministru Edward Zammit Lewis biex iwaqqaf dan il-proċess u jagħti widen lil min tassew għandu għal qalbu d-dinjita’ tal-mara,” temmew l-istqarrija tagħhom.

Il-Kumitat Tekniku m’għandux esperti fil-qasam – The Malta Women’s Lobby

The Malta Women’s Lobby qalet li huwa evidenti li l-kumitat tekniku m’għandux fih esperti li ħadmu fil-qasam tal-prostituzzjoni u t-traffikar uman. Huma żiedu li f’dan il-kumitat ma jinkludix rappreżentanti mill-organizzazzjonijiet lokali għan-nisa jew xi ħadd li ħadem fuq il-koalizzjoni dwar din il-kwistjoni.

The Malta Women’s Lobby qalu li dak li qed jissuġġerixxu l-kumitat tekniku jmur kontra l-prinċipji ta’ ugwaljanza abbażi ta’ ġeneru. Żiedu li bil-legalizzazzjoni ta’ din il-liġi l-Gvern se jkun qed jgħaddi l-messaġġ lis-soċjetà li l-ġisem uman huwa prodott tax-xiri.

Huma appellaw lill-Ministru Edward Zammit Lewis u lill-Prim Ministru biex jisimgħu lill-organizzazzjonijiet li għandhom għal qalbhom il-kwistjonijiet li jitrattaw in-nisa.