Aġġornata: Aktar kumitati tal-PN iridu lit-tmexxija terfa’ responsabbiltà

Read in English.

Il-Kumitati Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista tal-Mosta, Raħal Ġdid (Paola) u l-Mellieħa qablu li t-tmexxija tal-PN għandha terfa’ r-responsabbiltà għat-telfiet elettorali.

Il-Kumitat tal-PN tal-Mosta “jitlef il-fiduċja fit-tmexxija”

FacebookIl-Kumitat tal-Mosta qal li tilef il-fiduċja fit-tmexxija. F’ittra uffiċjali li ntbagħtat lill-Kap Nazzjonalista Adrian Delia u lill-uffiċjali kollha tal-Partit, il-Kumitat tal-Mosta talab biex tintrefa’ r-responsabbiltà għat-telfa tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew kif ukoll it-telfa fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Dan fost għadd ta’ nuqqasijiet oħra li l-kumitat tal-Mosta elenka fl-ittra tiegħu ffirmata mill-President Norvin Spiteri.

L-istess persuna lbieraħ iffirma stqarrija li ħarġet mid-Dipartiment Informazzjoni tal-PN fejn fiha giddeb lil One News għax qal li l-Kumitat ma talabx għar-riżenji u ma ressaq l-ebda mozzjoni ta’ sfiduċja fit-tmexxija.

Bħalma ġara f’għadd ta’ każini oħra, mal-bieb tal-każin tal-Mosta fil-lejl ta’ bejn l-Erbgħa u l-Ħamis twaħħal kartellun kontra l-kap tal-PN Adrian Delia.

 

Intant, fl-ittra li ntbagħtet illum lit-tmexxija Nazzjonalista, Spiteri qal li f’laqgħa li saret l-Erbgħa li għaddiet, il-Kumitat qabel li għandu jibgħat dikjarazzjoni bil-miktub lit-tmexxija. Fiha jgħidu li r-responsabbiltà għandha tintrefa’ wkoll minħabba li r-reazzjoni li ngħatat minn Clyde Puli għat-telfa u anki minħabba l-laqgħa li kellha ma’ Yorgen Fenech, il-Presiden tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono. Skont investigazzjoni li saret minn The Times of Malta u l-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters rriżulta li Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.

Il-Kumitat ta’ Raħal Ġdid irid li tintrefa’ responsabbiltà

Newsbook.com.mt huwa infurmat li aktar Kumitati Sezzjonali qed jiltaqgħu biex jiddiskutu s-sitwazzjoni fil-Partit. Fil-fatt, sorsi infurmati qalu lil Newsbook.com.mt li l-Kumitat Sezzjoni ta’ Raħal Ġdid ltaqa’ u ddeċieda li jibgħat ittra simili għal dik tal-Mosta fejn fiha jgħidu li b’mod unanimu jitlob lill-amministrazzjoni tal-Partit terfa’ r-responsabbiltà tat-telfa u r-reazzjonijiet li kien hemm mit-tmexxija għal dawn it-telfiet. Sorsi oħra speċifikaw li din l-ittra mistennija jkollha wkoll talba għar-responsabbiltà “għall-oxxenitajiet li saru internament mill-elezzjoni l’hawn”.

Il-Kumitat tal-Mellieħa jitlob li tintrefa’ r-responsabbiltà

Il-Kumitat tal-Mellieħa qal lid-deputati tal-Partit Nazzjonalista li kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltà. F’ittra mqanqla mibgħuta mis-Segretarju tal-Kumitat Sezzjonali tal-Mellieħa Emvin Bartolo f’isem il-kumitat kollu, appella lid-deputati biex jagħmlu passi drastiċi biex is-sitwazzjoni tal-partit titjieb.

nemmnu li għandha tintrefa’ responsabiltà kollettiva u jittieħdu l-passi meħtieġa, iebsin kemm jistgħu jkunu iebsin. Inneħħu minn rasna li ssir xi ħaġa kosmetika, għaliex ninsabu ċerti, li din tisfaxxa qabel tibda.

Il-Kap tal-PN jindirizza lill-Għawdxin

Il-Kap Nazzjonalista indirizza folla ta’ tesserati Għawdxin fil-każin tal-PN f’Ta’ Sannat.

AQRA: Delia se jiltaqa’ mal-membri tal-PN f’Għawdex

AQRA l-ittra sħiħa tal-Kumitat Sezzjonali tal-Mosta hawn: