Il-Kumitat tal-PN tal-Mellieħa jiċċara li trid tintrefa’ responsabbiltà kollettiva

Read in English.

Il-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista fil-Mellieħa qal li bl-ittra li bagħat lid-Deputati Nazzjonalisti ried jgħidilhom sabiex tinġarr ir-responsabbiltà kollettiva u biex issir diskussjoni interna fi ħdan il-Grupp Parlamentari biex jittieħdu l-passi meħtieġa u jinstabu s-soluzzjonijiet għall-ġid tal-Partit Nazzjonalista u ta’ Malta.

Dan wara li lbieraħ xi midja rrappurtat li l-Kumitat Sezzjonali tal-Mellieħa qabel li t-tmexxija għandha terfa’ r-responsabbiltà għat-telfiet elettorali.

Fi stqarrija maħruġa llum, il-Kumitat Sezzjonali tal-PN fil-Mellieħa qal li “mhu sorpriż xejn bit-tgħawwiġ ta’ fatti mill-ittra li ntbagħtet lid-Deputati Parlamentari kollha tal-partit.” Huwa qal li dak li ġie rrappurtat anke minn Newsbook.com.mt “jagħti impressjoni li aħna bħala Kumitat tlabna lit-tmexxija terfa’ r-responsabbiltà jew tirriżenja meta dan mhux minnu. Fil-fatt aħna ktibna lid-Deputati kollha sabiex tinġarr ir-responsabbiltà kollettiva u li ssir diskussjoni interna fi ħdan il-Grupp Parlamentari biex jittieħdu l-passi meħtieġa u jinstabu s-soluzzjonijiet għall-ġid tal-partit u ta’ pajjiżna”.

Xi ktibna fuq Newsbook

Fir-rapport li ppubblika Newsbook.com.mt il-Ġimgħa kien hemm miktub hekk:

“Il-Kumitat tal-Mellieħa qal lid-deputati tal-Partit Nazzjonalista li kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltà. F’ittra mqanqla mibgħuta mis-Segretarju tal-Kumitat Sezzjonali tal-Mellieħa Emvin Bartolo f’isem il-kumitat kollu, appella lid-deputati biex jagħmlu passi drastiċi biex is-sitwazzjoni tal-partit titjieb.”

Dan juri li fir-rapport tal-bieraħ ta’ Newsbook.com.mt inkiteb b’mod ċar li kulħadd għandu jerfa’ r-responsabbiltà.

L-ittra sħiħa tal-Kumitat tal-Mellieħa

L-ittra li l-Kumitat tal-Mellieħa bagħat lill-Membri Parlamentari u li kienet iffirmata mis-Segretarju Emvin Bartolo kienet tgħid hekk:

Onorevoli Ħabib u Kollega,

Qiegħed nikteb din in-nota f’isem il-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista fil-Mellieħa u f’ismi bhala Segretarju tal-istess Kumitat, wara laqgħa tal-kumitat li saret ilbieraħ filgħaxija. Din qiegħda tintbagħat lilek bħala Deputat Parlamentari f’isem il-Partit u għaldaqstant inħossu li għandek aktar responsabbiltà li l-Partit jerġa’ jsib lilu nnifsu biċ-ċans li jikkontesta elezzjonijiet futuri u jikseb suċċess.

Nistqarr li qiegħed niktibha b’qalbi maqsuma għaliex qatt ma emminna li l-Partit bi storja glorjuża ta’ 140 sena kellu qatt jispiċċa fis-sitwazzjoni mwiegħra tal-lum. Bħala attivisti li ilna naħdmu fi ħdan l-istess Partit, waslulna ħafna messaġġi ta’ rabja u niket għall-mod kif żvolġew l-affarijiet, speċjalment wara r-riżultati diżappuntanti fl-aħħar elezzjonijiet.

Inħossu li din mhix xi problema li nqalgħet issa, imma kien hemm diversi episodji li wasslu għas-sitwazzjoni preżenti. Ċertament ma nistgħux nindividwaw xi persuna jew ġrajja partikolari. Nemmnu li kull wieħed u waħda minna l-ewwel li ma rridu nagħmlu hu, li nippuntaw subgħajna lejna nfusna. Imma mill-banda l-oħra nemmnu li għandha tintrefa’ responsabbiltà kollettiva u jittieħdu l-passi meħtieġa, ibsin kemm jistgħu jkunu ibsin. Inneħħu minn rasna li ssir xi ħaġa kożmetika, għaliex ninsabu ċerti, li din tisfaxxa qabel tibda. 

Fil-fehma tagħna mhux kulħadd qiegħed jirrikonoxxi li għandna problema kbira li, tista’ saħansitra twassal għall-kollass totali. Nafu li m’hemmx soluzzjonijiet faċli, però daqstant ieħor nirrikonoxxu li għandhom jittieħdu passi urġenti biex insalvaw dak li fadal.

 Is-soluzzjonijiet irridu naslu għalihom bejn erba’ ħitan, bi rġulija, sinċerità ma’ xulxin u fuq kollox bi mħabba inkondizzjonata lejn il-Partit. Fl-opinjoni tagħna, il-punt tat-tluq għandu jkun diskussjoni serja u sinċiera fi ħdan il-Grupp Parlamentari li, inti, tagħmel parti minnu. Għandhom jieqfu b’mod immedjat kwalunkwe komunikazzjoni minn kull naħa fuq il-media soċjali.

Fl-aħħar nett nemmnu li dan li qegħdin nitolbu hu l-unika ħaġa li żżommna flimkien biex qabel kull interess personali naraw l-interess tal-Partit u tal-Pajjiż. Jekk ma naslux, inkunu qegħdin biss nagħtu mano libera lill-Partit Laburista għal Stat Totalitarju. Aħna lesti li nagħtu sehemna meta u kif meħtieġ.