“Il-Kumitat tal-Abbozzi ma jridx jipproteġi lill-vittmi ta’ stupru u ‘l uliedhom” – PD

Il-Partit Demokratiku (PD) qal li l-Kumitat tal-Abbozzi rrifjuta proposti tiegħu li, skontu, kienu mmirati biex jipproteġu aktar lill-vittmi ta’ stupru u ’l uliedhom.
Fi stqarrija ntqal li dawn il-proposti tressqu lbieraħ fil-Parlament mid-Deputat tal-PD, Godfrey Farrugia, sabiex jiġi emendat l-Abbozz dwar il-Vjolenza Domestika, li daqt se jgħaddi għat-tielet qari fil-Parlament.
Il-Partit tal-Oranġjo qal li l-proposti li ġew irrifjutati kienu jassiguraw li l-istil tal-ħajja ta’ persuni li ġew stuprati u ta’ wliedhom tkun anqas trawmatika soċjalment u psikoloġikament.
Il-bdil fl- Abbozz dwar il-Vjolenza Domestika jimmira li:

  • Jagħti protezzjoni legali akbar lil vittmi ta’ stupru, anki f’każijiet ta’ stupru
  • Jiżdiedu d-drittijiet tat-tfal imwielda minn stupru
  • Jassigura li l-istupratur iħallas t’għemilu mhux biss kriminalment, imma anki ċivilment

Il-PD temm jgħid li se jkompli jkun minn ta’ quddiem biex jippromwovi d-drittijiet tal-bniedem u jmexxi politika li hi aktar umana.