Il-Kumitat Sezzjonali PN jikkundanna aggressjoni lejn l-attivisti f’Santa Luċija

Newsbook

Read in English.

Il-Kumitat Sezzjonali tal-Partit Nazzjonalista kkundanna numru ta’ attitudnijiet fir-rigward tas-siġar li tqaċċtu f’Santa Luċija, primarjament l-aggressjoni lejn l-attivisti u l-ġurnalist ta’ Newsbook.com.mt meta dawn kienu fuq il-post il-ġimgħa li għaddiet.

Il-Kumitat saħaq li kull aggressjoni li ssir meta xi ħadd isemma’ leħnu b’diżapprovazzjoni hija kundannabbli. Lil hinn minn hekk, ikkundanna wkoll li l-fatt li se tintilef darba għal dejjem parti kbira minn masġar li kien jintuża wkoll bħala jogging track. B’rabta ma’ dan, ikkundanna l-“ħela ta’ flus il-poplu” billi bix-xogħlijiet, se jinqerdu xogħlijiet li ġew inawgurati sentejn ilu b’€90,000.

Aqra: Aġġornata (2): Ġurnalist mhedded waqt li ħaddiema sakkru żgħażagħ fi protesta

Sostna wkoll li l-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija ma infurmax lir-residenti minn qabel ma beda l-proġett u ma tax informazzjoni ċara ta’ kif se jiżvolġu ix-xogħlijiet u x’qerda kienet se tinħoloq. Apparti dan, ma saret l-ebda laqgħa pubblika ta’ konsultazzjoni. B’hekk, il-Kumitat ikkundanna l-fatt li l-Kunsill, minflok għamel reżistenza għal din il-qerda ta’ bosta siġar maturi u ġab l-interess ta’ Santa Luċija l-ewwel u qabel kollox, qed jiġġustifika l-qerda tal-ħdura u għamel propoganda favur il-Gvern, minflok kien leħen ir-residenti.

Aqra: Santa Luċija: “Il-Gvern u l-Kunsill ma qalux il-fatti kollha”

Aqra: L-IĠM jikkundanna theddid kontra ġurnalist ta’ Newsbook

Fi stqarrija, il-Kumitat qal li dan il-proġett wassal biex bosta siġar maturi kellhom jinqerdu. Ikkundannaw ukoll il-fatt li s-siġar taż-żebbuġ qed jinqalgħu f’Awwissu, mentri li kieku nqalgħu fix-xitwa, f’dak iż-żmien ikunu bħal reqdin u t-temp ikun iżjed frisk.

Aqra: Filmat u Ritratti: Velja għas-siġar u t-trakka tal-ġiri f’Santa Luċija

Aqra: Santa Luċija: “Il-Ministru se jkisser proġett ta’ sentejn ilu għax ma ppjanax” – Delia

Għalkemm il-Kumitat mhux kontra li jitjiebu t-toroq u li jsir dan il-proġett sabiex jiġi evitat it-traffiku fl-inħawi, huwa appella lill-Ministru Ian Borg sabiex jiġu riveduti l-pjanijiet oriġinali.  Ipproponew li l-mina titwal u l-ħruġ tagħha jitressaq aktar ‘il fuq, lejn it-Triq tal-Barrani. B’hekk, qal il-Kumitat, tiġi salvata parti kbira mill-masġar li jservi wkoll bħala lqugħ mill-ħsejjes u tniġġis li joħloq it-traffiku fl-inħawi.

Aqra: Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija ma jispeċifikax fejn se jitħawlu s-siġar tal-jogging track