“Il-Kumitat PANA ma talabx li jiltaqa’ mal-MPs Maltin”

L-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia spjega li hu ma rċieva l-ebda korrispondenza biex jiltaqa’ mal-Kumitat PANA, il-Kumitat Ewropew tal-Inkjesta dwar il-Panama Papers li fost l-oħrajn qed jinvestiga lil Konrad Mizzi, l-uniku Ministru mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea., kif ukoll lil Ninu Zammit, eks-Ministru Nazzjonalista li fetaħ kumpanija sigrieta, il-British Islands, permezz ta' Mossack Fonseca.
Mistoqsi mill-Whip Nazzjonalista David Agius, l-Ispeaker iċċara li lanqas ma rċieva talba biex il-Kumitat jiltaqa’ mal-membri kollha tal-Parlament Malti jew inkella biex jagħmlu użu mill-bini tal-Parlament.
Anġlu Farrugia rrefera għall-korrispondenza li ma ntbagħtitx lilu direttament, li jekk kemm-il darba jiġi Malta, il-Kumitat irid jiltaqa’ mal-kumitat lokali b’rabta mal-ħasil tal-flus.
L-Ispeaker qal li hu m’għandux problema jekk jintalab jiltaqa’ mal-Kumitat PANA.
Dan kollu minkejja l-istqarrija tal-Alternattiva Demokratika, li qalet li l-Parlament Malti għadu ma weġibx għal talba tal-Kumitat PANA biex jiltaqa' mal-parlamentari Maltin.
Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil irrefera għall-abbozz tal-aġenda tal-Kumitat PANA f’Malta, li fost l-oħrajn jinkludi laqgħa mal-membri tal-parlament nazzjonali.
Dwar din l-aġenda, l-Ispeaker spjega biss li l-aħħar korrispondenza dwar dan il-programm, kien meta sar il-ftehim dwar il-programm tal-Presidenza Maltija.
Madanakollu, mistoqsi mill-ġdid mill-Kap tal-Oppożizzjoni, l-Ispeaker qal li jekk jintalab li ssir laqgħa mad-deputati Maltin, qabel jaċċetta jrid jikkomunika mal-partijiet rispettivi.