“Il-Kumitat Ornis ma ġiex appuntat minn wara l-elezzjoni”; Il-Ministeru jwieġeb

Waqt konferenza tal-aħbarijiet BirdLife Malta qalet li minn wara l-elezzjoni li għaddiet, il-Kumitat Ornis, li jiddiskuti u jippjana l-infurzar qabel jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa, għadu ma ġiex appuntat mill-ġdid, iżda l-Ministeru wieġeb li l-Kumitat ġie approvat u l-membri qed jiġu notifikati.
Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali ħabbar li l-istaġun se jkun qed jiftaħ nhar il-Ġimgħa li ġej. L-aħħar laqgħa tal-Kumitat saret f’Mejju li għadda.
Il-konferenza saret quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja, BirdLife Malta ppreżentat ittra miftuħa lill-Prim Ministru Joseph Muscat.
Fl-ittra l-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta fakkar li l-liġijiet Maltin jippermettu li ssir kaċċa fuq 40 speċi differenti ta’ għasafar tul l-istaġun tal-ħarifa, mifrux fuq 150 ġurnata bejn l-1 ta’ Settembru u l-31 ta’ Jannar. Il-kumplament tal-ispeċi huma mħarsa mil-liġijiet Maltin u internazzjonali.
Matul il-konferenza, u anke fl-Ittra, BirdLife ħeġġet lill-Gvern u lit-Taqsima tal-Infurzar tal-Liġi tal-Korp tal-Pulizija biex ipoġġu l-infurzar tal-liġi bħala prijorità tul dan il-perjodu.
L-NGO wriet it-tħassib tagħha għall-fatt li fl-aħħar erba’ staġuni rċeviet madwar 100 rapport ta' għasafar protetti li sfaw fil-mira ta’ kaċċa illegali.
Qalet li qabel ma fetaħ l-istaġun, fl-aħħar jiem, diġà rċeviet numru ta’ rapporti.
Intant, fil-ġimgħat li ġejjin, BirdLife se tkun qed torganizza l-kamp annwali tagħha, magħruf bħala r-Raptor Camp, li matulu tiġi osservata l-kaċċa illegali tul Settembru u Ottubtru.
"L-istaġun se jkun irregolat minn Ornis" – Il-Ministeru
B'reazzjoni, il-Ministeru għall-Ambjen qal li l-kumitat Ornis huwa uffiċjalment approvat u l-membri se jkunu kollha notifikati qabel jiftaħ l-istaġun. 
Ħabbar li l-Bord tal-Ornis ser ikun ippresedut mill-Maġistrat irtirat Dennis Montebello bħala Ċermen, Sergei Golovkin bħala segretarju tal-Bord, kif ukoll membri oħra mill-komunitajiet tal-kaċċa u NGOs li jaħdmu għall-ħarsien tal-għasafar.
Il-Ministru Josè Herrera qal li se jkun qiegħed jiltaqa’ ma’ dan il-kumitat fil-ġranet li ġejjin u assigura li dan l-istaġun ser ikun irregolat mill-Ornis bħal kull staġun ieħor.
 Il-ħinijiet permessibbli għall-kaċċa
Fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari fakkar li l-kaċċa hija permessibbli minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa sagħtejn wara nżul ix-xemx mit-Tnejn sas-Sibt, u minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sas-13:00 fil-Ħdud u l-Festi.
Il-kaċċa tal-għasafar minn fuq l-art bejn il-15 ta’ Settembru u s-7 ta’ Ottubru  (iż-żewġ dati inklużi) mhix permessa mit-Tnejn sas-Sibt mis-7 pm sa sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx tal-ġurnata ta’ wara.
L-istess restrizzjonijiet fil-ħinijiet japplikaw ukoll għall-kaċċa tal-fenek selvaġġ, li hija permessa sal-31 ta’ Diċembru.
Il-kaċċa tal-għasafar minn fuq il-baħar ser tkun permessa mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Jannar bl-istess ħinijiet. Mill-1 ta’ Ottubru sas-7 ta’ Ottubru il-kaċċa fuq il-baħar mhix permessa mit-Tnejn sas-Sibt mis-7 pm sa sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx tal-ġurnata ta’ wara.
X’tista’ tagħmel f’każ ta’ kaċċa illegali?
Kull min jiltaqa’ ma’ każ ta’ kaċċa illegali jista’ jċempel lil BirdLife fuq 21347645/6 jew fuq il-hotline 79255697.
Ara hawn taħt x’għandek tagħmel pass pass jekk tiltaqa’ ma’ kaċċa illegali.