L-ittra ta’ Muscat titqies bħala apoloġija talli aċċetta nbid mingħand Yorgen

Il-Kumitat Permanenti għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika jagħlaq il-każ

Read in English.

Il-Kumitat Permanenti għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika għalaq il-każ tal-ksur tal-etika tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat meta dan aċċetta tliet fliexken inbid mingħand Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-Kumitat qed iqis l-ittra li bagħat Muscat bħala apoloġija.

Fir-rapport tiegħu, Hyzler sab lil Muscat ħati ta’ ksur ta’ etika. Fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat fit-22 ta’ Lulju, huwa qabel ma’ Hyzler li Muscat kiser l-etika meta aċċetta tliet fliexken inbid personalizzati mingħand Fenech. Il-Membru Parlamentari Karol Aquilina ssuġġerixxa li Muscat jidher quddiem il-Kumitat, iżda dan għażel li jibgħat ittra bil-miktub minflok ikun preżenti għal laqgħa.

Xi spikka fis-seduta tal-lum?

  • Il-Ministri Edward Zammit Lewis u Byron Camilleri insistew li Joseph Muscat ġarr responsabbiltà tal-aġir tiegħu meta rreżenja minn Prim Ministru
  • Ma ridux li l-każ ikompli jiġġebbed, iżda jintemm hawn
  • Il-membri tal-Oppożizzjoni ssuġġerew li Muscat jintalab jagħti apoloġija
  • Jekk Muscat jirrifjuta li jiskuża ruħu, l-MP Karol Aquilina ssuġġerixxa li l-kwistjoni tiġi diskussa fil-Parlament sabiex titqiegħed xi sanzjoni fuq Muscat
  • Aquilina ssuġġerixxa li Muscat jiġi sospiż mill-Parlament għal xi jiem
  • Il-Kumitat fl-aħħar iddeċieda li jqis l-ittra ta’ Muscat bħala apoloġija u li l-każ jingħalaq hawn.
11:09 Il-laqgħa tintemm hawn. Grazzi talli segwejtu dan il-blogg. Minn hawn u ftit ieħor intellgħu l-punti ewlenin ta' din il-laqgħa.
Sephora Francalanza
11:05 L-Ispeaker jgħid li filwaqt li Muscat għandu kull dritt iżomm il-pożizzjoni tiegħu, jifhem ukoll li din l-ittra tissodisfa r-rekwiżiti u l-każ huwa magħluq.
Sephora Francalanza
11:04 Ix-xandira tkompli.
Sephora Francalanza
10:58 Is-sound tal-laqgħa tal-Kumitat ma baqax jinstema' minn fuq l-istazzjon Parliament TV, u x-xandira waqfet għal ftit ħin.
Sephora Francalanza
10:57 Il-Ministru Camilleri jgħid li mhux beħsiebu jiġi darb'oħra biex jiddiskuti l-kwistjoni billi, skontu, il-Kumitat qed itawwal il-proċess aktar milli hu meħtieġ.
Sephora Francalanza
10:55 Karol Aquilina jgħid mill-ġdid li jekk Muscat jirrifjuta li jiskuża ruħu, il-kwistjoni għandha tiġi diskussa fil-Parlament biex tittieħed xi sanzjoni.
Sephora Francalanza
10:55 L-Ispeaker jissuġġerixxi li l-kwistjoni tingħalaq.
Sephora Francalanza
10:53 Juri sodisfazzjon li r-rapport wassal għal sforzi kontinwi, inkluż ir-reviżjoni tal-kodiċi tal-etika.
Sephora Francalanza
10:52 Jgħid li huwa f'idejn il-Kumitat jekk il-kwistjoni tittiħidx f'sessjoni plenarja, iżda jissuġġerixxi li l-każ ma jiġġebbidx fit-tul.
Sephora Francalanza
10:48 L-Ispeaker jirrikonoxxi l-fatt li Muscat ma qabilx mal-konklużjonijiet tar-rapport, imma fil-fehma tiegħu, xorta waħda ġarr responsabbiltà tal-azzjonijiet tiegħu.
Sephora Francalanza
10:47 Jippreferi jekk jagħmlu tliet seduti jiddiskutu l-Kodiċi tal-Etika, għaliex dan mhuwiex ċar għall-Membri Parlamentari.
Sephora Francalanza
10:46 Skontu, ix-xenarju nbidel totalment ladarba issa Muscat m'għadux Prim Ministru. Jikkjarifika li ma kienx qed jirreferi li Muscat irreżenja minħabba dawn it-tliet fliexken inbid, imma r-raġunijiet kienu kumplessi.
Sephora Francalanza
10:45 Ma jemminx li jekk ma jitqegħdux sanzjonijiet fuq Muscat jintbagħat sinjal ħażin.
Sephora Francalanza
10:45 Il-Ministru Zammit Lewis itenni li l-fatt li l-Kumitat addotta r-rapport huwa biżżejjed.
Sephora Francalanza
10:44 Id-Deputat Karol Aquilina jikkjarifika li huma jridu li fl-ewwel ġimgħa li jiftaħ il-Parlament, ikun hemm seduta dwar id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu f'dan ir-rigward. Jgħid li jkun xieraq li l-Kamra tieħu deċiżjoni hi.
Sephora Francalanza
10:42 Isemmi każ ipotetiku fil-futur fejn ikun hemm xi deputat li jagħmel ksur simili, u jiskuża ruħu billi jirreferi lura għal dan il-każ, u jgħid kif il-Kumitat ħalla lil Joseph Muscat jgħaddiha lixxa.
Sephora Francalanza
10:42 Mifsud Bonnici jgħid li ma jistax ikun li għax dan huwa Joseph Muscat, il-każ jieqaf hemm.
Sephora Francalanza
10:41 Bħala Oppożizzjoni, iridu jirreferuha lill-Kamra tad-Deputati għad-diskussjoni fl-ewwel seduta ladarba jerġa' jiftaħ il-Parlament.
Sephora Francalanza
10:39 Jgħid li l-Ispeaker interpreta l-ittra ta' Muscat mod, mentri Muscat ta żewġ pożizzjonijiet u ma jridx jiċċaqlaq minnhom, bħallikieku ma jaffettwahx dak li jgħid ir-rapport għax irreżenja minn Prim Ministru.
Sephora Francalanza
10:38 L-MP jippreferi kieku Muscat kien preżenti fil-laqgħa sabiex jifhmu aħjar il-pożizzjoni tiegħu.
Sephora Francalanza
10:38 Jinsisti li trid tinfired il-persuna mill-każ. Jgħid li llum se jagħmlu preċedent f'dak li jsir u ma jsirx.
Sephora Francalanza
10:37 Jitkellem issa l-Membru Parlamentari tal-PN Carmelo Mifsud Bonnici.
Sephora Francalanza
10:37 Il-Ministru jgħid li l-interess tal-Oppożizzjoni huwa wieħed: li jkunu kontra l-eks PM Joseph Muscat.
Sephora Francalanza
10:35 Jgħid li hu u Zammit Lewis kienu l-ewwel fil-Kumitat li rrakkomandaw li l-Kumitat jaddotta r-rapport tal-Kummissarju. Jaqbel ma' Zammit Lewis li l-addozzjoni tar-rapport hija biżżejjed.
Sephora Francalanza
10:35 Isemmi mill-ġdid kif Muscat aċċetta r-rigali iżda mbagħad ħalliehom fl-inventarju tal-Istat.
Sephora Francalanza
10:33 Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri jgħid li qed ikabbru l-affarijiet għalxejn, aktar milli kabbarhom il-Kummissarju Hyzler. "X'se nagħmlu f'każijiet aktar serji?" jistaqsi l-Ministru.
Sephora Francalanza
10:32 Jipproponi li l-Kumitat jitlob lil Muscat jagħmel apoloġija fil-Kamra tad-Deputati. Jekk ma jagħmilx din l-apoloġija, Muscat għandu jiġi sospiż għal sebat ijiem mill-Kamra tad-Deputati.
Sephora Francalanza
10:32 L-MP jgħid li jittama li Muscat juri dispjaċir għall-aġir tiegħu.
Sephora Francalanza
10:31 Skont Aquilina, Muscat baqa' jsostni l-pożizzjoni tiegħu, jiġifieri li m'għamel xejn ħażin.
Sephora Francalanza
10:30 Isemmi kif f'każ ta' abbużi, uħud żgħar, ukoll isir rimedju pereżempju permezz ta' ħlas. F'każijiet ta' abbużi mill-pożizzjoni, hemm konsegwenzi serji, pereżempju f'każ partikolari, deputat minnhom ġie sospiż.
Sephora Francalanza
10:29 Jirreferi mill-ġdid għal dak li jiġri fil-Parlament Ingliż, billi dawn għandhom operat simili għal tal-Parlament Malti.
Sephora Francalanza
10:29 L-MP tal-PN Karol Aquilina jkompli jgħid li l-Parlament irid jibda jibgħat il-messaġġ li meta l-politiċi jiżbaljaw, ikun hemm il-konsegwenzi.
Sephora Francalanza
10:28 Zammit Lewis u Aquilina jiddibattu dwar ir-raġuni għar-riżenja ta' Muscat.
Sephora Francalanza
10:28 Aquilina jgħid li f'Malta hawn sitwazzjoni ta' kulħadd jagħmel li jrid u ħadd ma jieħu azzjoni. Jisħaq li Muscat ma rreżenjax minn PM minħabba dan il-każ partikolari.
Sephora Francalanza
10:27 Jistqarr li l-messaġġ huwa ċar li kull membru politiku jrid joqgħod attent li jżomm id-distanza minn kull persuna involuta f'kuntratti mal-Gvern, eċċ. Jgħid li dan il-messaġġ ħareġ b'mod dirett minn dak li Muscat qal fl-ittra tiegħu.
Sephora Francalanza
10:24 Il-President tal-Kumitat, l-Ispeaker Anġlu Farrugia, donnu jaqbel mal-Ministru Zammit Lewis li Joseph Muscat ġarr ir-responsabbiltà tal-ksur tal-etika bir-riżenja tiegħu.
Sephora Francalanza
10:22 Farrugia jgħid li Muscat kien qal li hu ġarr kull responsabbiltà meta rreżenja minn Prim Ministru.
Sephora Francalanza
10:22 L-Ispeaker Anġlu Farrugia jgħid li rrifletta ħafna fuq is-sitwazzjoni.
Sephora Francalanza
10:20 Zammit Lewis jgħid li ma jridx ikun parti mill-proċess jekk il-Kumitat jitlob lil Muscat jirrimedja l-ksur tal-etika.
Sephora Francalanza
10:18 Il-Ministru jgħid li jekk wieħed iħares lejn is-sanzjonijiet, il-Kummissarju rrakkomanda li Muscat jagħmel rimedju tal-ksur. Zammit Lewis jgħid li l-inbejjed inkwistjoni mhumiex fil-pussess ta' Muscat, imma issa jinsabu għand l-Istat. Għal Zammit Lewis, dan hu biżżejjed min-naħa ta' Muscat.
Sephora Francalanza
10:18 Skont Zammit Lewis, l-apoloġija saret minkejja li Muscat ma użax il-kelma nfisha. Skuża ruħu billi telaq mill-kariga ta' PM, għax din kien fiha sinifikat.
Sephora Francalanza
10:17 Zammit Lewis jgħid, "X'inhi apoloġija meta Muscat nieda proċess fil-partit tiegħu biex ma baqax fl-ogħla kariga tal-pajjiż u ħallas l-ogħla prezz politiku?"
Sephora Francalanza
10:16 Jgħid li l-kuntest tal-ittra tal-14 t'Awwissu ta' Muscat irid jitqies fil-kuntest tal-ittra li kien bagħat qabel Joseph Muscat.
Sephora Francalanza
10:16 Il-Ministru Zammit Lewis jgħid li l-MPs tal-Gvern ma injorawx il-każ b'mod leġġer.
Sephora Francalanza
10:15 Aquilina jsemmi kif jaħdem il-Parlament Ingliż u jgħid li f'każijiet serji, ikun hemm konsegwenzi serji għal Membri Parlamentari li ma jġibux ruħhom kif jixraq.
Sephora Francalanza
10:14 Iżid li l-pożizzjoni ta' Muscat hija opposta għal dak tal-Kumitat, u għandu jkun hemm sanzjonijiet.
Sephora Francalanza
10:13 Jgħid li l-Oppożizzjoni stenniet li jkun hemm xi forma ta' apoloġija jew rimors min-naħa ta' Muscat, imma huwa ma weriex li jiddispjaċih minn dak li ġara.
Sephora Francalanza
10:13 Aquilina: "Meta l-politiċi jġibu ruħhom b'mod skorrett irid ikun hemm il-konsegwenzi."
Sephora Francalanza
10:12 Il-Membru Parlamentari Karol Aquilina qal li l-Oppożizzjoni ma taqbilx ma' dak li qal il-Ministru, billi dan huwa każ serju ħafna, u mhux każ li wieħed jista' jinjora b'mod leġġer.
Sephora Francalanza
10:09 Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis jgħid li l-każ ġie magħluq u huwa proċediment eżawrit.
Sephora Francalanza
10:09 L-eks Prim Ministru Joseph Muscat għażel li jagħti l-pożizzjoni tiegħu fuq il-każ bil-miktub.
Sephora Francalanza
10:08 L-Ispeaker Anġlu Farrugia li qed imexxi l-Kumitat jgħid li fl-aħħar laqgħa l-Kumitat għażel li jaddotta r-rapport tal-Kummissarju Hyzler.
Sephora Francalanza
10:08 Bonġu. Nilqgħukom għal dan il-blogg live tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Sephora Francalanza

Xi spikka fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat Parlamentari?

  • L-eks PM Joseph Muscat se jintalab jidher quddiem il-Kumitat Parlamentari (suġġeriment tal-MP Karol Aquilina)
  • Huwa jista’ jwieġeb bil-miktub, u jista’ jagħżel li ma jaċċettax l-istedina
  • Il-Ministru Edward Zammit Lewis ma qabilx ma’ dan; kien tal-fehma li Muscat għamel ir-rimedju xieraq meta l-inbejjed li tah Fenech ħalliehom lill-Istat
  • Il-Ministru Byron Camilleri kien xettiku li Muscat jidher għax dan ikun qed juri dubju fil-konklużjonijiet ta’ Hyzler
  • Il-Kummissarju Hyzler qal li bħala eks politiku, jifhem li din kienet sitwazzjoni diffiċli għal Muscat, imma f’dal-każ, skontu, kienet ċara li r-rigali ta’ Yorgen kienu personali
  • Hyzler jgħid li jeħtieġ li tinfeda l-klassi politika f’Malta; iħoss li hu dmiru li jgħin
  • L-Ispeaker Anġlu Farrugia b’dubji x’aktar jista’ jagħmel Muscat bħala rimedju issa li rriżenja minn Prim Ministru

Il-Kumitat qed jitmexxa mill-Ispeaker Anġlu Farrugia u membri tiegħu hemm żewġ Membri Parlamentari tal-Gvern u tnejn tal-Oppożizzjoni. Dan hu l-unika kumitat li fih il-Gvern u l-Oppożizzjoni huma rappreżentanti b’mod ugwali.