Il-“Kultura tar-Rimi” laqtet ukoll lill-bnedmin

Meta kellem lin-nies mir-reġjun tal-Amazonia fil-Peru, il-Papa Franġisku qal li “din l-art kważi minsija, feruta u emarġinata m’hix “l-art ta’ ħadd” imma għandha ismijiet, għandha uċuh, għandha lilkom”.
 
F’din l-okkażżjoni l-Papa tkellem primarjament dwar l-esplojtazzjoni tal-art u għal darb’oħra kkundanna “il-kultura tar-rimi” li tarmi dak kollu li ma jaqdix l-interessi tagħha. “Anke n-nies qed ikunu trattati b’dan il-mod, mitfugħa fil-ġemb u abbandunati malli jkunu meqjusa li ma jiswew għal xejn”.
 
B’mod partikolari il-Papa kkundanna t-traffikar tal-persuni li ma hu xejn ħlief forma ta’ skjavitu: skjavi għax-xogħol, għas-sess, għall-profitt. Tkellem dwar l-esplojtazzjoni tan-nisa. “Mhux sew li ndawwru wiċċna u nħallu min jirfes u jgħaffeġ fuq id-dinjita’ ta’ tant nisa, speċjalment tfajliet”.
 
Il-Papa nnota wkoll kemm nies emigraw lejn l-Amazonia ifittxu future aħjar, l-aktar fil-postijiet fejn hemm il-minjieri tad-deheb.  Imma wissa’ li “d-deheb jista’ jinbidel f’alla falz li jitlob sagrifiċċji umani”. L-allat foloz jikkorrompu kollox, lin-nies u l-istituzzjonijiet u jeqirdu l-foresti. Hu nkoraġixxa lil dawk preżenti biex ikomplu jkunu organizzati u jaħdmu biex jegħlbu dawn is-sitwazzjonijiet perikolużi.
 
“Is-salvazzjoni m’hix xi ħaġa ġenerika jew astratta. Kull komunita’ nisranija għandha tirrifletti l-ħarsa t’Alla. Ħarsa li toħloq rabtiet u tiġġenera l-komunita’. Jien għandi tama fikom, fil-qlub ta’ dawk kollha li jfittxu li jgħixu ħajja qaddisa. Ħobbu lil artkom, impenjaw ruħkom biex tibżgħu għalihom. Tużawx l-art bħala sempliċi oġġett li tista’ tarmi imma bħala teżor ġenwin biex jitgawda, ikun kultivat u għadduha lil uliedkom”.
 
Papa Franġisku temm id-diskors tiegħu: “Ejja nafdaw lilna nfusna f’idejn il-Madonna, Omm Alla u Ommna u npoġġu lilna nfusna taħt il-protezzjoni tagħha”.