“Il-kultura ta’ din il-gżira midjuna miegħek” – Sergio Grech

Ix-xandar u awtur Sergio Grech ingħaqad ma’ ħafna oħrajn li fl-aħħar sigħat sellem il-memorja ta’ Joyce Guillaumier li ħallietna lbieraħ filgħaxija fl-età ta’ 75 sena.

Fil-kitba tiegħu, Grech irrefera għal Joyce Guillaumier bħala persuna li kienet ta’ żaqqha f’fommha għax kelma kienet tgħidha mingħajr ma taħsibha darbtejn jew tlieta anki jekk forsi kienet turtak u kienet tkun kritika xi ftit iebsa.

Ritratt: Facebook/SergioGrech

Kiteb ukoll kif il-mużika klassika u t-tagħlim tal-Ingliż kienu ħajjitha. Huwa temm il-messaġġ tiegħu bil-kliem “Strieħ fi sliem Joyce. Il-kultura ta’ dil-gżira midjuna miegħek.”

Ritratt: Facebook/Mario Micallef

Anki l-attur veteran Mario Micallef sellem il-memorja ta’ Joyce Guillaumier u rrefera għaliha bħala waħda mill-aqwa xandara li pajjiżna kellu. Huwa tella’ ritratt partikolari fejn jidher flimkien magħha, mal-Professur Anġlu Psaila u mal-kittieb u attur ċelebri Lino Grech, tlett personalitajiet li llum m’għadhomx magħna.

Ritratt: Facebook/AldoBusuttil

Il-kantant Aldo Busuttil irrefera għal Guillaumier bħala mara li tat kontribut kulturali kbir b’sapport lit-talent lokali b’mod speċjali fil-qasam klassiku.

Intant il-President u l-Kumitat Eżekuttiv, flimkien mall-Fergħat, soċi u partitarji fi ħdan is-Soċjetá Santa Marija u Banda Re Ġorġ V, Mqabba sellmu wkoll il-memorja ta’ Joyce Guillaumier, li kellha konnessjoni mal-istess soċjeta minħabba li missierha, Mro George Martin kien mexxa l-Banda Re Ġorġ V għal snin twal.