“Il-kultura li student isemma’ leħnu f’Malta mhix f’saħħitha”

Il-kultura li studenti jittrawmu jsemmgħu leħinhom mhix f’saħħitha biżżejjed f’Malta u għad hemm bżonn ħafna xi jsir f’dan ir-rigward. Dan qalitu ma’ Newsbook.com.mt Gabriella Mifsud, il-Maniġer tal-Konferenza taż-żgħażagħ li ġiet organizzata fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fil-Parlament Malti.

Għadd kbir ta’ żgħażagħ inġabru fil-Parlament Malti sabiex fost l-oħrajn jiddiskutu s-suġġett tal-midja u l-ħelsien tal-kelma f’dibattiti strutturati bħal dawk li jsiru fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda.

Il-konferenza annwali tiġi organizzata mill-għaqda Malta Model United Nations (MaltMUN) li ġiet stabbilita fl-2015 minn grupp ta’ studenti universitarji bil-għan li jqajmu kultura ta’ dibattiti fost l-istudenti.

Mifsud irrimarkat kif minkejja li dawn l-istudenti għandhom l-opportunità li jsemmgħu leħinhom permezz ta’ inizjattivi bħalma hija dik ta’ MaltMUN ħafna xorta jibqgħu lura milli jipparteċipaw.

Iż-żagħżugħa spjegat li bħal MaltMUN hemm fergħat oħra madwar id-dinja li wkoll jorganizzaw konferenzi annwali tat-tip. Irrimarkat li f’Malta ma jattendux daqs kemm jattendu barra, però tqis dan bħala spunt pożittiv fis-sens li dawk li jattendu jkollhom ċans konkret li jsemmgħu leħinhom bis-sħiħ.

“Id-diskussjonijiet daru mal-midja u l-ħelsien tal-kelma”

Mifsud spjegat li kull sena l-għaqda tagħżel temi bbażati fuq ġrajjiet kurrenti, fejn din is-sena raw l-importanza li kienet qed tingħata lill-ħelsien tal-kelma u l-iċċensurar tal-midja. Dawn is-suġġetti ġew diskussi minn studenti li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn is-16 u l-35 sena li flimkien qattgħu tliet ijiem sabiex ifasslu reżoluzzjonijiet li imbagħad jiġu ppreżentati fil-Parlament Malti.