Il-Kulleġġ tal-Patologi jappella biex festi u parties ma jibqgħux isiru

Aġġornat 05:22 PM

Il-Kulleġġ Malti tal-Patologi appella lill-awtoritajiet sabiex jerġgħu jaħsbuha li jħallu avvenimenti b’folol tan-nies, bħalma huma l-festi u l-parties, wara li fl-aħħar 24 siegħa kien hemm qabża ta’ 14-il każ tal-coronavirus.

Fi stqarrija ppubblikata mill-Kulleġġ illum, huwa saħaq li m’għandux jintilef l-għaqal kollu issa, iżda l-miżuri meħudin biex tiġi kkontrollata l-imxija għandhom jibqgħu jiġu imposti fejn hemm bżonn.

Ġie spjegat illi attivitajiet tal-massa bħalma huma parties u festi huma ta’ riskju għoli ħafna peress li jippreżentaw ix-xenarju ideali biex virus bħall-Covid-19 jinfirex. Iddeskrivew kif f’dawn il-folol, in-nies ikunu qed imissu ma’ xulxin mingħajr ma jkunu libsin maskra jew visor, ikunu xurbana u jxerrdu l-qtar li minnu jintiret il-virus meta jkantaw jew jgħajtu. Il-Kulleġġ jaqbel li l-maskri għandhom jintlibsu fuq il-karozzi tal-linja, fis-supermarkets u fil-knejjes, iżda mbagħad, f’avvenimenti bħal dawn, ir-riskju jkunu 10 darbiet akbar. Inutli tittieħed it-temperatura ta’ min ikun preżenti, ikkummenta l-Kulleġġ, għaliex jaf ikun hemm min hu bla sintomi.

Biż-żieda fil-każijiet, huma bosta dawk li huma mbeżżgħin, u nbdiet petizzjoni sabiex l-attivitajiet tal-massa ma jitħallewx isiru.

Il-patologi komplew jisħqu li jkun qed jigdeb min jgħid li l-coronavirus m’għadux magħna. Skonthom, il-virus batta ftit imma qed jistenna l-kundizzjonijiet it-tajbin biex jerġa’ jqajjem rasu, bħalma deher mill-każijiet li feġġew mill-party li sar f’San Ġiljan il-ġimgħa li għaddiet.

Il-Kulleġġ appella li jinstab bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija, u wissa kontra mentalità ta’ “kollox jgħaddi.” Fil-fehma tal-Kulleġġ, kull attività ekonomika permessa għandha tiġi assessjata biex jiġi stabbilit ir-riskju li fiha u l-benefiċċju ekonomiku li toffri.

Apparti dan, il-Kulleġġ tal-Patologi ssuġġerixxa li jiġu infurzati miżuri ta’ tbegħid soċjali u ta’ lbies tal-maskri, pereżempju f’kunċerti fil-beraħ, fejn in-nies ikunu bilqiegħda qrib xulxin għal sigħat twal.

L-appell finali tal-Kulleġġ kien li d-deċiżjonijiet li jittieħdu jkunu bbażati fuq ix-xjenza u mhux fuq l-ekonomija biss.

“Redikola li jitħallew isiru” – MEA

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem qablet mal-Kulleġġ tal-Patologi u sejħet id-deċiżjoni li parties u festi jitħallew isiru waħda “redikola” peress li tpoġġi s-suċċessi li nkisbu fil-konfront tal-coronavirus f’riskju.

L-assoċjazzjoni fakkret kemm għamlu sagrifiċċji ħafna ħaddiema u min iħaddem, billi kellhom jitnaqqsu l-pagi, jaħdmu b’mod aktar flessibbli, u kellha ssir il-kwarantina mandatorja f’xi każijiet. Saħqet li minkejja li ċerti kumpaniji żammew lura milli jkeċċu n-nies billi raw kif mantnew lilhom infushom, jekk tfaqqa’ t-tieni mewġa, dawn mhumiex se jkunu jistgħu jerġgħu jagħmlu dan.

Apparti hekk, l-assoċjazzjoni qalet ukoll li jekk l-iskejjel jibqgħu magħluqin f’Settembru minħabba l-virus, se jkun hemm kaos fis-suq tax-xogħol. Skontha, anke t-turiżmu jbati jekk il-każijiet jibqgħu jiżdiedu billi Malta ddum aktar biex tirkupra.

Intant, f’diskors li għamel illum il-Prim Ministru Robert Abela kkundanna lil min ibeżża’ “b’xi każ jew tnejn tal-coronavirus.” Huwa qal li żamm kelmtu meta kien qal li dan is-sajf se jkun jista’ jitgawda.