Segwi l-filmat: Il-Kulleġġ tal-Kardinali se jibda jiltaqa’ filgħodu biss

Id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tal-Vatikan, Patri Federico Lombardi, qal li waqt l-ewwel laqgħa tal-Kongregazzjonijiet Ġenerali tal-Kulleġġ tal-Kardinali, ġie deċiż li l-Kulleġġ se jibda jiltaqa’ filgħodu biss.

Dalgħodu saret laqgħa bejn id-9:20 u l-12:40. Għaliha attendew 148 Kardinal, li minnhom 110 kienu Kardinali li jistgħu jivvutaw fil-Konklavi. Dalgħodu żewġ Kardinali ġodda ħadu l-ġurament biex ikunu jistgħu jivvotaw. Dalgħodu tkellmu 11-il Kardinal.

Fost is-suġġetti li ġew diskussi kien hemm l-attivitajiet tal-Papa l-ġdid, id-Dekasteri differenti u r-relazzjoni tagħhom mal-Isqfijiet madwar id-dinja, it-tiġdid tal-Knisja fid-dawl tat-tieni Kunsill tal-Vatikan u r-relazzjoni bejn il-Knisja u l-kultura.

M’hemm ebda limitu dwar kemm il-Kardinali jistgħu jdumu jindirizzaw il-laqgħa. B’kollox tkellmu 33 Kardinal s’issa.

Fi tmiem il-laqgħa, il-Kardinal Dekan approva telegramma li ntbgħatet lill-Papa Emeritu Benedittu XVI f’isem il-Kulleġġ tal-Kardinali. Filwaqt li sellmulu, irringrazzjawh tal-eżempju tajjeb li wassal lill-membri tal-Knisja u lill-kumplament tad-dinja.

Dalgħodu wkoll sar suġġeriment sabiex għada fil-5pm issir laqgħa ta’ talb fil-Bażilika ta’ San Pietru. Mil-lejla l-Kappella Sistina se tkun magħluqa għat-turisti, u se jibdew il-preparamenti għall-Konklavi.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijijet, intwerew it-tlett urni li se jintużaw għall-votazzjoni waqt il-Konklavi. Dawn l-urni huma l-istess li ntużaw fl-aħħar Konklavi, biex ġie elett il-Papa Benedittu XVI.