Il-Kulleġġ tal-Kardinali jibda jiltaqa’ bi preparazzjoni għall-konklavi

Membri mill-Kulleġġ tal-Kardinali qed jiltaqgħu fis-Sala tas-Sinodu fil-Vatikan. Hawnhekk mistennija tibda l-ewwel minn serje ta’ kongregazzjonijiet, bi preparazzjoni għall-konklavi li se jwasslu sabiex jiġi elett is-suċċessur tal-Papa Benedittu XVI.

Il-laqgħat huma miftuħa għal kull Kardinal, mhux biss dawk li se jivvotaw fil-Konklavi. L-għan tagħhom hu li l-Karindali jiddiskutu suġġetti li l-iktar li jaffetwaw il-ħidma tal-Knisja.

Uħud mill-Kardinali waslu fl-awla waħedhom filwaqt li oħrajn kienu fi gruppi żgħar.

Erbat’ijiem minn meta bdiet is-sede vacante, saret laqgħa fid-9:30am u mistennija ssir oħra fil-5:00pm. Wara l-laqgħa ta’ llejla, l-Karinali se jilħqu ftehim dwar jekk jibdewx jiltaqgħu darbtejn kuljum.

Din il-ġimgħa mistennija jħabbru d-data ta’ meta se jibdew il-Konklavi.