Kulleġġ Stella Maris: 3 għalliema biss b’lezzjonijiet extra

Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija qal li hemm biss tliet għalliema li qed jaħdmu lezzjoni aktar milli suppost u li dawn qed jiġu kkumpensati b’time in lieu fix-xogħol tagħhom.

Is-Segretarjat qal dan b’reazzjoni għall-istqarrija ppubblikata mill-Union for Professional Educators (UPE) fejn qalet li l-għalliema fil-Kulleġġ Stella Maris qed jiġu sfruttati.

Is-Segretarjat qal ukoll li l-iskejjel huma obbligati li jagħmlu użu massimu mill-load tal-lezzjonijiet li jistgħu jagħtu l-għalliema iżda dan jagħmlu skont il-ftehim kollettiv. Saħqu wkoll li l-għalliema li jintalbu jagħmlu lezzjonijiet extra dejjem jistgħu jirrifjutaw li jagħmlu dan bl-iskola tirrispetta din id-deċiżjoni.

Il-Kulleġġ Stella Maris qed jisfrutta lill-għalliema – UPE

Il-Union for Professional Educators (UPE) – Voice of the Workers qalet li l-Kulleġġ Stella Maris qiegħed jisfrutta lill-għalliema tiegħu u jikser il-Ftehim tal-Iskejjel tal-Knisja billi jħaddimhom aktar milli suppost.

Dan qalitu fi stqarrija, fejn spjegat li hi ilha ssegwi l-aġir tal-Kulleġġ mill-bidu tas-sena skolastika u nnutat li l-għalliema qegħdin jingħataw 26 lezzjoni, li hu aktar mill-massimu stipulat, li hu ta’ 25 lezzjoni.

L-UPE qalet ukoll li xi għalliema ġew eżentati milli jieħdu post għalliema oħra meta dawn ifallu, u b’hekk, jispiċċaw ibatu għalliema sħabhom. L-Unjin qalet li hija għandha emails mibgħuta lill-għalliema mill-Kulleġġ, jitolbuhom biex jieħdu post xi għalliema li jfallu fuq bażi volontarja.

Barra minn hekk, skont l-UPE, l-għalliema qegħdin jingħataw lezzjonijiet żejda ta’ għalliema oħra meta ġa jkollhom ħin żejjed bi żjarat edukattivi għat-tfal, għalhekk il-ħin stipulat li suppost jaħdmu l-għalliema qiegħed jinqabeż sew.

Għaldaqstant, l-UPE qalet li hi lesta tiltaqa’ mal-amministrazzjoni tal-iskola biex issolvi din il-kwistjoni, u avżat lill-membri tagħha biex ma jiħdux aktar lezzjonijiet milli suppost jagħmlu, filwaqt li jirrappurtaw jekk jintalbu jagħmlu dan.