Il-Kulleġġ Santu Wistin se jerġa’ jibda jilqa’ tfal fil-livell Primarju

Intlaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-Kulleġġ Santu Wistin sabiex skola statali fil-Marsa tibda tintuża mill-Kulleġġ Santu Wistin sakemm jitlestew ix-xogħlijiet fuq l-iskola l-ġdida f’Tal-Pietà. Għalhekk il-Kulleġġ Santu Wistin se jaċċetta 75 tifel fl-ewwel sena primarja u 75 tifel fir-raba’ sena primarja.

It-tfal li qegħdin temporanjament fis-Seminarju tal-Arċisqof, fit-tieni u l-ħames sena, mis-sena skolastika li jmiss jibdew imorru ukoll f’din l-iskola statali fil-Marsa.

Fi stqarrija mill-Kurja, intqal li l-postijiet vakanti fl-ewwel u r-raba’ sena primarja se jimtlew skont ir-Regolamenti tad-Dħul tas-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija. Dan hekk kif il-Kulleġġ Santu Wistin se jiżdied ma’ dawk l-iskejjel li l-applikanti jkunu jistgħu jagħżlu minnhom.

Se tingħata l-opportunità sabiex min ma applikax ikun jista’ japplika. L-applikazzjonijiet se jintlaqgħu nhar il-Ħamis, 14 ta’ Marzu fil-Kulleġġ Santu WistinTriq Gwardamangia, Pietà mid-9:00 sa nofs inhar. Sabiex issir l-applikazzjoni huwa meħtieġ: ċertifikat tal-magħmudija, ċertifikat tat-twelid, ritratt tat-tifel daqs tal-passaport u ħlas ta’ €10. Għal aktar dettalji, ir-Regolamenti tad-Dħul jinsabu fuq http://maltadiocese.org/lang/en/

Ritratti: Photocity