Il-Kulleġġ Santa Klara l-ewwel skola sekondarja bil-koedukazzjoni

Il-Kulleġġ Santa Klara, f’Pembroke saret l-ewwel skola sekondarja tal-istat fejn it-tagħlim se jingħata lill-istudenti bniet u subien fl-istess klassi.

Din is-sistema ta’ koedukazzjoni tħabbret mill-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo waqt żjara li għamel fil-Kulleġġ Santa Klara.

Il-Ministru Bartolo spjega kif il-koedukazzjoni hija s-sistema tal-edukazzjoni fejn il-bniet u s-subien jitgħallmu fl-istess skola.

Fil-Kulleġġ Santa Klara jattendu 3,069 student li 634 jattendu l-iskola sekondarja.

Bħala parti mill-koedukazzjoni, mill-ewwel sena tas-sekondarja se jingħaqdu wkoll l-istudenti subien li jammontaw għal 80.

Il-Ministru Evarist Bartolo spjega kif il-proċess kien wieħed twil bi preparazzjoni għall-introduzzjoni ta’ din is-sistema.

Saru lagħat kemm mal-istudenti kif ukoll mal-ġenituri tagħhom Ġew riveduti s-sillabi u saru b’nofs miljun ewro f’xogħlijiet strutturali biex jilqgħu lill-istudenti ġodda.

Matul din iż-żjara, il-Ministru għall-Edukazzjoni ħabbar ukoll il-kunċett ta’ ‘middle school’ jew skola tal-meżżu.

Din se tieħu postha bejn l-iskola primarja u sekondarja għalkemm se tkun awtonoma sabiex tgħin aktar lill-istudenti javvanzaw mill-primarja għas-sekondarja.

Il-‘middle school’ se tkun qed tipprovdi mezz aktar inklussiv kif ukoll tiffaċilita’ il-qalba mill-primarja għas-sekondarja lill-istudenti.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar il-bidu tas-sena skolastika, il-Ministru għall-Edukazzjoni semma kif inbidlet l-imġieba tal-istudenti matul iż-żmien. 

Huwa hu jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, il-Ministru Evarist Bartolo wera t-tħassib tiegħu dwar ir-realtà li mil-lum, ħafna tfal żgħar bdew iqumu kmieni ħafna biex imorru għall-iskola.

Qal li normalment it-trasport għandu jgħaddi għat-tfal siegħa qabel tibda l-iskola. 

Evarist Bartolo qal li hu inaċċettabbli li fis-sitta u nofs ta’ filgħodu tara tfal jistennew lil tal-vann biex jeħodhom l-iskola.  

Jirriżulta li dalgħodu ma kien hemm l-ebda problema ta’ traffiku bil-bidu ta' sena skolastika u d-deċiżjonijiet fit-trasport pubbliku.